It-tobba inkwetati fuq l-inċidenti tat-traffiku

It-tobba Maltin jinsabu inkwetati fuq in-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq Maltin hekk kif il-miri fl-istrateġija tas-sigurtà tat-traffiku fit-toroq tal-2014 ma ntlaħqux.
Dan qaluh l-għaqdiet Tobba għas-Sigurtà fit-Toroq (D4RS) flimkien mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fi stqarrija konġunta fejn urew tħassib hekk kif skonthom ma sarx progress fil-qasam.
Sostnew li l-evidenza ta’ dan hija n-numru kbir ta’ inċidenti tat-traffiku fatali, kif ukoll dawk li m’humiex fatali iżda l-persuni involuti jweġġgħu b’mod gravi.
Fl-istqarrija saħqu li dan ma jirriflettix tajjeb fuq il-miri tal-istrateġija tas-sigurtà tat-traffiku fit-toroq tal-2014 li wegħdet li se tnaqqas il-fatalitajiet b’50%. Miri oħra qalu li se jitnaqqsu persuni li jindarbu gravi bi 30% u li jindarbu ħafif b’20%.
L-għaqdiet talbu lill-awtoritajeit kollha kkonċernati sabiex jindirizzaw b‘mod urġenti “din il-problema ta’ importanza kbira” u jagħmluha prijorità tal-Aġenda Nazzjonali.