Filmat: It-tobba b’pariri ċari dwar l-imxija; iwissu li l-coronavirus għadu fostna

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) hija mħassba li l-pariri mogħtija lill-pubbliku dwar il-pandemija mhumiex ċari, speċjalment issa li minn għada se jiftaħ l-ajruport. Għaldaqstant, flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM), qiegħda tippubblika pariri tal-esperti dwar l-imxija tal-coronavirus.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet wissew li l-imxija tal-coronavirus għadha preżenti fil-komunità, u għalhekk, jeħtieġ li n-nies jibqgħu joqogħdu attenti. Insistew fuq il-ħtieġa li t-testijiet għall-coronavirus jibqgħu jsiru f’numri kbar sabiex jinstabu l-każijiet pożittivi bla xkiel.

Il-MAM dalgħodu għamlet konferenza stampa barra l-Isptar Mater Dei dwar dan. F’kummenti lil Newsbook.com.mt il-President tal-MAM Dr Martin Balzan qal li issa għandna element ta’ riskju ġdid peress li l-ajruport se jiftaħ minn għada. Jaqblu mal-ftuħ tal-ajruport, madankollu kienu jippreferu kieku n-nies li jkunu ġejjin Malta jagħmlu t-test tal-coronavirus 48 siegħa qabel.

Il-MAM u l-MAPHM fakkru lill-pubbliku x’għandu jsir biex il-coronavirus jiġi evitat:

  • Distanza fiżika ta’ tal-anqas 2 metri
  • Ħasil tal-idejn b’mod frekwenti
  • Użu ta’ hand sanitiser b’tal-anqas 70% alkoħol għal 30 sekonda
  • L-użu ta’ maskri jew visors waqt attivitajiet fil-komunità

Dawk li jivvjaġġaw huma mħeġġin jagħmlu 14-il ġurnata jevitaw li jiltaqgħu ma’ nies vulnerabbli. Għandhom jagħmlu t-test tal-coronavirus minnufih jekk jinnutaw xi sintomu. Dan jgħodd għat-turisti wkoll. L-assoċjazzjonijiet fakkru lin-nies vulnerabbli dwar l-effetti koroh li l-coronavirus jista’ jkollu fuqhom, u talbuhom biex joqogħdu aktar attenti.

L-assoċjazzjonijiet qalu li peress li kollox donnu sejjer lura għan-normal f’qasir żmien, huwa importanti li kulħadd jirrifletti fuq ir-riskju li jkun se jpoġġi lilu nnifsu fih meta jattendi ċerti attivitajiet. Dak li jkun għandu jikkunsidraha darbtejn qabel ma jattendi xi attività. Apparti dan, il-kuntatt dirett bejn persuna u oħra għandu jkun minimu. Wissew li aktar kemm wieħed jattendi attivitajiet b’riskju għoli fi żmien qasir, aktar ikun hemm ċans li wieħed jinfetta ruħu. Attivitajiet li jsiru barra u li jattendu għalihom inqas nies għandhom inqas riskju.

F’każ ta’ attivitajiet essenzjali bħax-xiri, ikun l-aħjar li wieħed jagħmel dan xħin ma jkunx hemm wisq nies fil-ħanut, pereżempju filgħodu. Meta wieħed ikollu xi appuntament l-isptar jew imur għax-xogħol, irid jara li jnaqqas ir-riskju kemm jista’ jkun billi jimxi mal-miżuri rakkomandati tal-użu tal-maskri u taż-żamma tad-distanza soċjali.

Li wieħed jagħmel l-eżerċizzju huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa fiżika u anke mentali, iżda għandha tintgħażel attività ta’ eżerċizzju fiżiku b’riskju minimu. L-assoċjazzjonijiet jirrakkomandaw l-aktar l-eżerċizzju individwali li jsir fil-ftuħ. Eżerċizzju fil-magħluq b’għadd ta’ nies preżenti jkun ta’ periklu kbir. Dan japplika wkoll għall-ħruġ. L-assoċjazzjonijiet huma tal-fehma li ċinema fil-beraħ jew ikla barra tkun għażla aħjar milli attivitajiet fil-magħluq.

Meta jsiru laqgħat mill-ġdid mal-ħbieb u mal-familja, għandu jiġi evitat it-tgħanniq u l-bews, u l-ħin taż-żjara għandu jkun limitat ukoll. Idealment in-nies jiltaqgħu barra, inkella, fil-każ tal-persuni vulnerabbli, in-nies jiltaqgħu għand dawn il-persuni stess.

L-esperti tas-saħħa wissew li għadu mhuwiex rakkomandat li tfal li jattendu xi childcare centre jitħallew għand in-nies vulnerabbli, bħan-nanniet.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet temmew jgħidu li peress li l-miżuri tneħħew kważi kollha mill-Gvern, issa huwa f’idejn l-individwi li jaraw li jieħdu ħsieb tagħhom infushom, u jagħżlu huma attivitajiet li mhumiex ta’ wisq periklu.

Filmat: Miguela Xuereb