It-tobba fis-saħħa pubblika bi strajk ta’ siegħa għada

Read in English.

It-tobba tas-saħħa pubblika se jagħmlu strajk ta’ siegħa għada bejn it-8am u d-9am.

Dan ħabbritu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u qalet li din id-direttiva tapplika għat-tobba kollha li jaħdmu fis-saħħa pubblika, mill-grad ta’ foundation doctor għall-grad ta’ konsulent. Dawk li qegħdin jagħmlu t-testijiet tal-coronavirus huma eżentati minn din id-direttiva.

Il-MAM kjarifikat li b’hekk qed tirreferi għat-tobba li jaħdmu fl-amministrazzjoni fis-saħħa pubblika, u mhux għal dawk f’Mater Dei u l-isptarijiet l-oħra. Din id-direttiva ma tgħoddx għall-Kap Uffiċjal Mediku u għas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Dan l-istrajk qed isir bi protesta kontra “l-interferenza politika u mhux xjentifika ta’ Ministeri oħra fix-xogħol tat-tobba tas-saħħa pubblika, bir-riżultat li jittieħdu deċiżjonijiet żbaljati minn ministeri oħra bla bażi xjentifika u li jistgħu jwasslu għall-mard fost il-popolazzjoni u fost il-professjonisti mediċi.”

Il-MAM qalet li din hi protesta simbolika li qed tiġi organizzata biex turi li t-tobba tas-saħħa pubblika ma jistgħux jerfgħu responsabbiltà għal deċiżjonijiet li jittieħdu mingħajr l-għarfien tagħhom jew kontra l-pariri tagħhom, u li jistgħu jwasslu għal dannu serju għas-saħħa tagħhom jew tal-kollegi tagħhom.

Il-bqija tad-direttivi l-oħra tal-MAM se jibqgħu sospiżi, imma jaf jerġgħu jidħlu fis-seħħ jekk l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri tas-saħħa pubblika ma jkunux sodisfaċenti.

Il-każijiet tal-lum
47 każ ġdid tal-coronavirus

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn