It-tobba b’azzjoni industrijali minn għada

tabib-maskra
Ritratt: Unsplash

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) iddeċidiet li se tieħu l-azzjoni industrijali li kienet ħabbret, minn għada fit-8am sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla f’nofsillejl.

Fi stqarrija maħruġa kmieni dalgħodu, il-MAM qalet li jekk sa dakinhar ma jintlaħaqx qbil sodisfaċenti, hija taf testendi l-azzjoni industrijali jew tintroduċi direttivi ġodda.

L-azzjoni tirrigwarda l-attivitajiet tal-massa li qegħdin jitħallew isiru minkejja l-każijiet dejjem jiżdiedu tal-coronavirus f’Malta. L-appell tal-professjonisti huwa li l-attivitajiet tal-massa jieqfu llum qabel għada, qabel ikun tard wisq. Huma ma kinux sodisfatti bil-miżuri li tħabbru l-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sabiex jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-avvenimenti l-kbar. Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ddistanzjat ruħha minn dawn ir-restrizzjonijiet billi hi kienet tal-fehma wkoll li l-attivitajiet tal-massa għandhom jitwaqqfu għalkollox.

Il-MAM spjegat li r-raġunar tagħha wara l-oġġezzjoni li jsiru l-attivitajiet huwa bbażat fuq il-fatt li l-każijiet qegħdin jiżdiedu b’madwar 15 kuljum, u Malta tneħħiet mil-lista ta’ pajjiżi siguri f’erba’ pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea. Żiedet tgħid illi minflok jikkontrolla l-epidemija, il-Gvern qed iħalli attivitajiet b’eluf ta’ nies isiru, inkluż attivitajiet li jixbhu l-party li sar ġo lukanda minn fejn spuntaw għadd kbir ta’ każijiet li donnhom waslu għal din it-tieni mewġa tal-coronavirus li qed tesperjenza Malta. L-assoċjazzjoni nnutat li filwaqt li pajjiżi oħrajn tal-UE qegħdin jipprojbixxu tali attivitajiet milli jsiru, il-Gvern Malti qed jagħmel l-oppost.

Temmet tgħid li parties bħal dawn għandhom riskju kbir li jwasslu għal qabża oħra fin-numru ta’ każijiet, speċjalment fost in-nies vulnerabbli, u dan joħloq riskju mhux meħtieġ għall-professjonisti tas-saħħa. Għaldaqstant, il-MAM trid li l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu immedjatament.

X’inhuma d-direttivi?

F’Mater Dei

  1. Minn għada jiġu posposti appuntamenti fid-Dipartiment tal-Outpatients. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
  2. Jiġu posposti l-operazzjonijiet ippjanati, ħlief dawk urġenti u dawk marbutin mal-kanċer.
  3. Proċeduri tal-kardjoloġija li huwa kkunsidrati bħala urġenti jew li se jsiru fuq pazjenti high risk m’għandhomx jitħassru.
  4. Listi tal-ultrasound posposti. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
  5. It-tobba vulnerabbli għandhom jevitaw xogħol li fih jaffaċċjaw riskju u jagħmlu xogħol amministrattiv u tat-telefown minflok.
  6. Pazjenti li jitħassrilhom l-appuntament tal-outpatients jistgħu jiġu kkuntattjati bit-telefon.

It-tobba li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza huma eżentati mid-direttivi. L-anticoagulation clinics tal-isptarijiet u taċ-ċentri tas-saħħa huma eżentati mid-direttivi.

Iċ-Ċentri tas-Saħħa

  1. It-42 berġa fil-komunità se jibqgħu magħluqa u l-ebda tabib mhu se jattendi. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
  2. Iċ-ċentri tas-saħħa se jkollhom triage desk bis-sehem ta’ tabib il-ħin kollu.
  3. Is-Sibt 8 u l-Ħadd 9 t’Awwissu se jiftħu biss iċ-ċentri tas-saħħa fil-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid u r-Rabat, Għawdex.
  4. It-tobba kollha għandhom jilbsu lbies protettiv f’żoni kliniċi.
  5. L-appuntamenti kollha ma’ konsulenti jiġu posposti jew isiru bit-telefown.
  6. It-tobba vulnerabbli għandhom jevitaw xogħol li fih jaffaċċjaw riskju u jagħmlu xogħol amministrattiv u tat-telefown minflok.

L-anticoagulation clinics tal-isptarijiet u taċ-ċentri tas-saħħa huma eżentati mid-direttivi.

Elective procedures f’kull ċentru tas-saħħa se jiġu kkanċellati.

Għawdex

  1. Minn għada jiġu posposti l-appuntamenti kollha tal-Outpatients. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa. Tobba fl-Onkoloġija, Psikjatrija, Ġerjatrika u Pedjatrija huma eżentati.
  2. Il-Bereġ kollha fil-komunità jibqgħu magħluqa.
  3. Fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex, se jiġu ttrattati biss il-każijiet urġenti. Pazjenti b’każijiet li mhux urġenti jiġu mħeġġa biex jipposponu l-appuntament.
  4. Elective surgeries fl-Isptar ta’ Għawdex se jiġu posposti ħlief dawk l-operazzjonijiet li huma urġenti u operazzjonijiet marbuta mal-kanċer.

L-anticoagulation clinics tal-isptarijiet u taċ-ċentri tas-saħħa huma eżentati mid-direttivi.

It-tobba u l-psikjatri fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Karen Grech huma eżentati minn dawn id-direttivi. Huma eżentanti wkoll it-tobba li jaħdmu fis-Saħħa Pubblika, fiċ-ċentri fejn isiru l-iswab tests, u anke dawk li jaħdmu fl-Obstetrika (mhux il-ginekoloġija).

Il-MAM ħeġġet ukoll lit-tobba biex jekk jistgħu jaħdmu wkoll fiċ-ċentri tal-iswabbing u tal-contact tracing minħabba d-domanda għal dawn is-servizzi.

Oriġinarjament intenzjonati mit-Tnejn li għadda
12-il direttiva għat-tobba mit-Tnejn li ġej

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger