It-Tnejn l-aktar jum li jħalli feruti fit-triq

Kaya Borg

It-Tnejn hija l-aktar ġurnata tal-ġimgħa komuni li fiha ndarbu persuni f’inċidenti tat-traffiku bejn Lulju u Settembru tal-2019. Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Skont l-istatistika, fil-ġurnata tat-Tnejn, kien hemm 83 il-każwalità u 713-il inċident tat-traffiku. Il-ħin li fih l-aktar li seħħew inċidenti kien dak ta’ bejn nofsinhar u t-2.50pm fejn kien hemm 942 każ. It-tieni ħin l-aktar popolari kien dak ta bejn id-9am u n-11.59am, fejn kien hemm total ta’ 935 każ. Il-ħin li fih l-inqas kien hemm inċidenti kien dak ta’ bejn it-3am u s-5.59am.

In-numru ta’ inċidenti li seħħew fit-tielet kwart ta’ din is-sena tela’ għal 4,187. B’hekk kien hemm żieda ta’ 14.5% minn fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. L-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew fit-tramuntana ta’ Malta, fejn kien hemm total ta’ 1,510 inċidenti.

Intant, il-każwaltajiet fl-inċidenti jidher li naqsu bi 3% meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Kien hemm 39 persuna li ndarbu b’mod gravi. Dawn kienu jinkludu 18-il passiġġier u 32 persuna li jew kienu mexjin fit-triq, jew kienu ċiklisti jew oħrajn. Intant kien hemm tliet inċidenti fatali, bi tnejn minnhom iseħħu f’Għawdex. Intant, 10 persuni tilfu ħajjithom fit-toroq Maltin mill-bidu tas-sena sa issa.

Skont l-istatistika, il-maġġoranza tal-inċidenti kienu jinvolvu karozzi (63.9%), inċidenti li jinvolvu muturi kienu fit-tieni post (28.3%), filwaqt li vetturi tal-merkanzija jkopru 4% tal-inċidenti.

L-iktar post li fih seħħew inċidenti kien Birkirkara, fejn kien hemm total ta’ 346 każ. Segwit minn Ħal Qormi b’216-il każ u San Pawl il-Baħar b’203 każijiet.