It-tneħħija ta’ Tonio Portughese fost aktar tibdil fil-PBS

Read in English.

Iċ-Chairman tal-PBS Tonio Portughese mistenni li jitneħħa u minfloku l-Gvern jaħtar Chairman Eżekuttiv b’aktar poteri. Din hija mossa oħra fost it-tibdil li hemm ippjanat għax-xandir pubbliku wara li l-Ġimgħa li għaddiet il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi ħabbar li l-programm tiegħu ma kienx se jiġi aċċettat mill-ġdid fuq TVM.

Din l-istorja ġiet ikkonfermata indipendentament minn Newsbook.com.mt hekk kif dehret fuq is-siti MaltaToday u Times of Malta.

Il-PBS bħalissa għandu wkoll Kap Eżekuttiv, rwol li bħalissa huwa okkupat minn Charles Dalli.

Fil-kampanja tiegħu biex jinħatar Mexxej tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed riforma fix-xandir pubbliku. Ix-xandir pubbliku jaqa’ taħt il-Ministru Carmelo Abela iżda sa issa ma kien hemm l-ebda stqarrija uffiċjali dwar dak li hemm ippjanat għal din ir-riforma.

F’intervista l-Ħadd, il-Prim Ministru ċaħad li kellu x’jaqsam mad-deċiżjoni li jitwaqqaf il-programm popolari Xarabank.

Portughese ilu jmexxi l-Bord tal-PBS mill-2013.