It-tneħħija ta’ 10,000 kumpanija ssegwi rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL – MBR

Read in English.

Il-Malta Business Registry (MBR) sostniet li l-10,000 kumpanija li tħassru wara proċess ta’ defunct seħħ skont rakkomandazzjonijet tal-MONEYVAL u istituzzjonijiet oħrajn bħal OECD. Dawn il-kumpaniji tneħħew minn fuq ir-Reġistru kumpaniji inattivi.

L-istqarrija tal-MBR ġiet wara li lbieraħ, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalu li bid-deċiżjoni li jitneħħew ir-rekords tal-kumpaniji mir-Reġistru tan-Negozju online, hemm aktar ċans li jkun hemm attività illegali. Huma qalu li kumpaniji li jkunu qegħdin jaġixxu b’mod illegali issa jistgħu jwettqu dak li jridu u jagħlqu l-kumpanija bi ftit traċċi tal-attività tal-kumpanija tagħhom. L-Istitut u l-Fondazzjoni argumentaw li minflok titneħħa l-informazzjoni, Malta għandha żżid ir-riżorsi kif timmoniterja l-eżattezza u l-verità tad-dettalji provduti mill-kumpaniji.

Min-naħa tiegħu r-Reġistru spjega li dawn l-10,000 kumpanija ma kienux qed jissottomettu dokumenti mitluba mil-liġi għal numru ta’ snin. Insista li b’dan il-pass qed jassigura li dawn il-kumpaniji ma jkunux qed jiġu użati għal skopijiet malinnji.

Kien spjegat kif dawn il-kumpanijiet ġew skrinjati mill-Compliance Unit tal-MBR u fejn kien hemm suspetti dawn għaddew lill-MLRO (Uffiċċjal tar-Rappurtar tal-ħasil ta’ flus) tal-MBR. Qal li f’każ li jkun hemm assi dawn jiġu devoluti lill-Gvern ta’ Malta u għaldaqstant kumpaniji li tneħħew mir-reġistru permezz tal-proċess tad-defunct ma jkunux jistgħu jibqgħu jidħlu f’kull tip ta’ relazzjoni kummerċjali.

Qal li qabel ma’ kumpanija titneħħa, kemm volontarjament jew bil-proċess tad-defunct, jew bi straċċar minħabba fużjoni transkonfinali, konverżjoni jew diviżjoni, ir-Reġistratur jippublika avviż fuq il-websajt u fuq gazzetta ta’ kuljum u jagħti perjodu ta’ tliet xhur biex wieħed jista’ joġġezzjona milli tiġi mħassra minn fuq ir-reġistru.

L-MBR iżomm id-dokumenti fiżiċi ta’ dawn l-10,000 kumpanija

L-istqarrija tkompli tgħid kif minkejja li l-kumpaniji ġeneralment ma jaqgħux taħt l-iskop tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali (GDPR), il-kumpaniji kollha f’kull ħin tul il-ħajja tagħhom għandhom assoċjat magħhom persuna fiżika. Fejn jidħlu kumpaniji attivi, l-identita’ tal-persuni involuti fil-kumpanija flimkien man-numru tal-identifikazzjoni u l-indirizz residenzjali huma aċċessibbli fuq il-portal onlajn tal-MBR. Għaldaqstant, l-informazzjoni tal-kumpanija tinkludi informazzjoni personali ta’ individwi. Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-GDPR huwa li kull informazzjoni personali li tinżamm għandha tkun korretta u aġġornata. Insista li l-MBR m’għandu l-ebda dritt li jitlob lil persuni fiżiċi sabiex jaġġornaw l-informazzjoni personali tagħhom meta l-kumpanija tkun mħassra. “Il-Master privacy policy tal-MBR tipprovdi speċifikament li informazzjoni personali miżmuma u/jew ipproċessata mill-MBR hija adegwata, relevanti u limitata għal dak l-iskop tal-ipproċċessar. Għalkemm l-MBR iżomm id-dokumenti fiżiċi ta’ kull kumpanija, inklużi dawk li ġew imħassra, għal użu ta’ terzi persuni u għall-MBR innifsu (bħal per eżempju, fil-każ ta’ ordni tal-Qorti), huwa importanti li niżguraw li l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-portal onlajn tkun dik korretta, aġġornata u neċessarja,” insista r-Reġistratur.

B’hekk kien spjegat li d-dokumenti ta’ kumpaniji li ġew mħassra għadhom fil-pussess tar-Reġistratur u kull min jkun jixtieq li jagħmel spezzjoni fiżika ta’ dawn id-dokumenti jista’ jagħmel dan billi jżur l-uffiċċju tal-MBR jew jordna dawn id-dokumenti permezz ta’ imejl fuq orders.mbr@mbr.mt.

Intant, kull individwu jista’ jagħmel talba bil-miktub lir-Reġistratur biex jingħata kopja tal-informazzjoni personali tiegħu li tinżamm fuq ir-Registru. Din l-informazzjoni tingħata mingħajr ħlas.

“It-tneħħija tal-informazzjoni li m’għadhiex fil-bżonn tal-pubbliku ġenerali (bħal ma huma d-dettalji tal-kumpaniji mħassra, li jistgħu ikunu mhux korretti u/jew aġġornati) hija konformi mal-prinċipju tal-minimizazzjoni tad-data,” insista r-Reġistratur.

“L-informazzjoni tibqa’ merfugħa b’mod fiżiku” – Il-Gvern

Intant, il-Ministeru għall-Ekonomija wkoll irreġaxxa għall-istqarrijiet tal-bieraħ u sostna li l-premessa li l-informazzjoni titlaq hija totalment żbaljata. “L-informazzjoni tibqa’ merfugħa b’mod fiżiku fil-bini tal-MBR u kull persuna jista’ jitlob li jkollu l-informazzjoni fuq il-kumpanija kemm b’mod fiżiku iżda anke billi jibgħat sempliċi email lil MBR,” insista l-Ministeru.

Irrimarka li l-Moneyval stess titlob li kumpaniji li ma jkunux attivi jiġu mħassra mir-reġistru u qabel ma jsir dan l-MBR tkun għamlet il-verifiċi fuq il-kumpaniji kollha u fejn ikun hemm xi suspett ta’ xi ħaġa, il-każ ikun mgħoddi lil FIAU. Wieħed iżid ukoll li anke jekk kumpanija tiġi mħassra mir-reġistru, xorta waħda jibqa’ jsir il-moniteraġġ meħtieġ mill-istituzzjonijiet.

“L-awtoritajiet kompetenti bħal ma huma l-Pulizija, dawk tat-taxxa u awtoritajiet bħall-MGA u l-MFSA xorta waħda jibqa’ jkollhom aċċess kontinwu mill-website stess sabiex isir l-iċċekkjar kollu li jkun hemm bżonn,” qal il-Ministeru.

Irrimarka li f’każ ta’ kumpaniji li huma attivi, fuq il-website jidhru d-dettalji tal-indivdwu assoċjat mal-kumpanija inkwistjoni.