Tnaqqis esportazzjoni: L-istatistika ma tridx tiġi analizzata fuq xahar – Il-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-esportazzjoni naqset b’valur xokkanti ta’ 29%.
Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jidher li l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti naqsu drastikament matul l-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra.
Il-Partit Nazzjonalista qal li fil-perjodu minn Jannar sa Novembru, l-importazzjoni naqset bi 8% filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-oġġetti (netti minn fjuwil) naqsu b'29% xokkanti meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Żied jgħid li sitta minn kull għaxar setturi prinċipali ta’ produzzjoni esportaw inqas fl-2017 milli għamlu fl-2016.
Saħaq li l-gvern, minkejja t-talbiet ripetuti mill-Oppożizzjoni u mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, naqas milli jieħu azzjoni konkreta biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-manifattura.
Sostna wkoll li l-Gvern għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet imressqa, ​​inkluż il-proposti biex jitnaqqsu t-tariffi tal-enerġija u jitnaqqas il-prezz tal-fjuwil.
"L-istatistika għandha tiġi analizzata mhux biss fuq xahar"
Min-naħa tiegħu, il-Gvern irribatta u saħaq li l-istatistika trid tiġi analizzata f'kuntest usa' u ma tkunx restritta biss fuq xahar speċifiku. 
Fi stqarrija, kompla jispjega kif bejn Diċembru 2016 u Ottubru 2017, kien hemm żewġ okkażjonijiet biss (Lulju 2017 u Ottubru 2017), fejn is-settur tal-manifattura rreġistra tnaqqis marġinali ta' -0.8% u ta' -1.2% rispettivament, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta' qabel. 
Sostna li fil-bqija tax-xhur, is-settur irreġistra żieda.