​It-tmien rebħa f’Miami għal Serena Williams

It-tenista Amerikana Serena Willams iddominat fil-finali tal-Open ta’ Miami, hekk kif għelbet lill-Ispanjola Carla Suarez Navarro bl-iskor ta’ 6-2, 6-0.
Williams kienet ferm dominanti, b’mod speċjali lejn l-aħħar tal-konfront.
Serena Williams ta’ 33 sena u li hi n-numru wieħed fid-dinja, għamlet tagħha s-66 finali minn 88 finali li lagħbet fil-karriera tagħha.
Għal Williams din kienet it-tmien darba fil-karriera tagħha li rebħet dan it-turnament f’Miami.
Hija rebħet ukoll il-finali tal-2002, 2003, 2004, 2007, 2008, 2013 u 2014, biex saret ir-raba’ tenista fl-istorja li rebħet l-istess kompetizzjoni minn tal-inqas tmien darbiet.
It-tlieta l-oħra kienu Chris Evert, Martina Navratilova u Steffi Graf.
Minn naħa l-oħra Carla Suarez Navarro daħlet mal-aqwa għaxra tal-WTA u saret it-tielet Spanjola wara Arantxa Sanchez Vicario u Conchita Martinez, li daħlet f’dan il-livell.