It-Tmien Nota tasal fi tmiemha

L-aħħar episodju mis-sensiela It-Tmien Nota jixxandar fuq TVM illum wara nofsinhar fit-3pm, u jibda billi naraw fi flashbacks parti mill-kunċert ta’ Bella u nsegwu mill-ġdid il-qtil ta’ Edward. Insibu ruħna fi knisja fejn qed issir il-quddiesa funebri għalih. Bosta personaġġi jkunu preżenti għax b’xi mod jew ieħor kellhom kuntatt miegħu. Naraw kif dawn il-personaġġi kollha jibdew iħarsu lejn xulxin.

Naraw il-funeral joħroġ mill-knisja li titbattal minn nies.  Jibqa’ biss Bella li tħares lejn kulħadd ħiereġ ’il barra.

Imbagħad naraw wiċċha jinbidel minn wiċċ ta’ waħda bil-vistu, imdejqa, għal wiċċ ta’ waħda bil-mant abjad, ferħana. Insegwu t-tieġ taghha ma’ Leo tliet snin qabel. Naraw il-knisja mżejna għaliha u narawha ħierġa ferħana mill-istess bieb li ftit tal-ħin qabel rajna joħroġ lill-funeral ta’ Edward.

Immorru għar-riċeviment tat-tieġ tagħha u naraw il-ferħ tal-okkażjoni. Dakinhar ikun hemm min jitlobha tkanta waqt ir-reception u hi tkanta għal Leo. Waqt il-kant għajnejha jiltaqgħu ma’ ta’ David, għajnejn mimlija mħabba u espressivi li bla ma trid hija tħoss x’tilfet meta ma aċċettatux b’żewġha. U dak il-ħin thares lejn Leo, mitluf jidħak ma’ sħabu u lanqas qed jismagħha tkanta.

It-Tmien Nota oriġinarjament ixxandret fl-2008. Għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.