It-Tmien Nota se jerġa’ jixxandar

Sensiela oħra li se tkun qed tirritorna lura fuq it-televiżjoni fil-jiem li ġejjien hija It-Tmien Nota, bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv u li hi maqsuma fi 13-il puntata. Din se tibda tixxandar fuq TVM mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju u se tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-3pm.

It-Tmien Nota għandu kitba ta’ Joseph A. Cachia li kiteb ukoll Pupi, rebbieħ tal-premju għall-Aħjar Drama fuq it-TV waqt il-Malta Television Awards 2007 u li kiteb ukoll l-ewwel sensiela ta’ Fenomeni. Is-sensiela kienet ixxandret għall-ewwel darba fl-2008.

B’direzzjoni ta’ Fabian Mizzi, din hija l-grajja ta’ Bella, pjanista u sopran li fil-ħajja tagħha tgħaddi minn mumenti sbieħ u oħrajn koroh. Is-sbieħ ikunu dawk meta tirbaħ konkorsi tal-kant jew tad-daqq tal-pjanu waqt li l-mumenti koroh huma dawk meta tiġġieled ma’ ommha. Imma fl-aħħarnett issofri l-aktar daqqa ta’ ħarta meta jinqatel minn xi ħadd mhux magħruf, Edward, l-uniku raġel li qatt ħabbet. Dan il-qattiel jibqa’ mistur sal-aħħar episodju.

Bella hija kapaċi fil-kant u fid-daqq tal-pjanu u jberren f’moħħha dejjem għandha x-xewqa li tikseb suċċess fil-qasam artistiku. Matul dan iż-żmien tiltaqa’ ma’ bosta persuni: xi wħud jgħinuha bil-qalb imma hemm oħrajn li jgħinuha għax jafu li fl-aħħar mill-aħħar tista’ tagħtihom daqqa ta’ id f’dak li riedu jakkwistaw.

Waqt l-iżvolġiment tal-istorja niltaqgħu ma’ Agnes, omm Bella, mara li qatt ma tagħraf biżżejjed il-kapaċitajiet ta’ bintha. Meta Bella ssib ruħha fl-inkwiet ma tantx tagħtiha wiċċ u minħabba f’hekk ikun hemm firda bejniethom li tnissel niket fihom it-tnejn, min għal raġuni u min għal ohra.

Missierha Robert hu raġel twajjeb. Iħobb lil bintu imma mhux kapaċi fit-tmexxija tan-negozju. Ifalli u jmut żgħir. Hemm Louise u bintha Roseanne. Louise mara kburija, mikula bil-għira għas-suċċess ta’ Bella tara kif tagħmel biex lil bintha timbuttaha ‘l quddiem anki a skapitu tat-tifla.

Leo, kantant li Bella tipprova tqabbdu t-triq tas-suċċess anki jekk jiswielha ta’ deni għax ma tagħrafx il-ħżunija ta’ moħħu.

Idur fuq dawn kollha hemm Manfred, ir-raġel li jibni mill-ġdid il-karriera ta’ Bella. Quddiemu ma jara xejn ħlief li hi ssir popolari fuq fomm kulħadd, li tingħata l-qima li jixirqilha bħala l-aqwa kantanta bl-isbaħ vuċi.

Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.