It-tmiem ma kienx kif xtaqtu jien; kelli nerfa’ r-responsabbiltà – Muscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru u eks-Membru Parlamentari Joseph Muscat sostna li filwaqt li t-tmiem tal-kariga tiegħu bħala Prim Ministru ma kienx kif xtaqu hu, kellu jerfa’ r-responsabbiltà.

Hu qal dan waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista minn Karl Stagno Navarra waqt il-programm Pjazza lbieraħ filgħaxija. Muscat kellu karriera ta’ 12-il sena fil-Parlament Malti, b’seba’ snin minnhom mexxa bħala Prim Ministru.

Waqt l-intervista, li ġiet propju l-għada ta’ meta Muscat issottometta r-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari, hu qal li meta daħal fil-politika minn dejjem qal li ried jagħmel tliet leġiżlaturi, tnejn minnhom fil-gvern u waħda fl-oppożizzjoni. It-tieni leġiżlatura tiegħu intemmet ħesrem wara li rreżenja mill-irwol tiegħu bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda u wassal biex jiġi elett Robert Abela bħala Prim Ministru ġdid għall-pajjiż.

Aqra l-ittra tar-riżenja ta’ Muscat:
Joseph Muscat jirriżenja mill-Parlament

“It-tmiem ma’ kienx kif xtaqtu jien, xtaqt li l-aħħar biċċa tkun aħjar u għandi weġgħa ta’ qalb dwar x’ġara fl-aħħar,” qal Muscat. Irrimarka li s-sitwazzjoni kienet “waħda ċara” li kellu jerfa’ r-responsabbiltajiet, anke jekk dawn ma kinux dwar affarijiet li għamel hu. “Weġgħa ta’ qalb imma kien l-aħjar pass għall-pajjiż biex jinstab PM ġdid,” insista Muscat.

Ir-riżenja ta’ Muscat waslet fil-ftuħ tal-Parlament mill-ġdid wara t-tmiem tal-vaganzi tas-sajf. F’diskors qasir fil-ħin tal-aġġornament ta’ nhar it-Tnejn, Muscat qal li fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda kien semma li se jirriżenja mill-Parlament fi ftit xhur. Qal li huwa ma kien avża lil ħadd peress li ma jħobbx iċ-ċerimonji. Huwa qal li kburi li serva fi tliet leġislaturi tal-Parlament. Qal li filwaqt li skont in-natura tiegħu jaħseb li seta’ għamel iktar, hu sodisfatt li qed jħalli lill-pajjiż aħjar milli sabu.

Muscat irreżenja kawża tal-kriżi politika li ħakmet lill-gżejjer Maltin wara l-aħħar żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif allegazzjonijiet ġodda sabu li persuni viċin tiegħu, partikolarment l-eks-Chief of Staff Keith Schembri u s-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, setgħu kellhom sehem kbir fl-assassinju tal-ġurnalista.

Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu qalb ħafna kritika u persuni ta’ awtorità Ewropea u dinjija li talbuh jirreżenja minn postu. Minkejja li hu kien ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Diċembru, kien qal li se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru sakemm il-Partit Laburista jeleġġi mexxej ġdid fit-12 ta’ Jannar. Hu saħansitra ngħata l-premju tal-aktar persuna korrotta tal-2019.

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista kienet ikkontestata minn żewġ persuni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u Abela. Ir-riżultat finali kien tħabbar fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. Imbagħad, il-Ħadd waranofsinhar il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Robert Abela għamel l-ewwel diskors tiegħu.