“It-tmexxija wasslet għal abbuż fil-poter” – Rapport dwar kap tal-UNAIDS

REUTERS/Denis Balibouse/File Photo

Il-kap tal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-marda tal-AIDS se jċedi s-siġġu f’Ġunju, 6 xhur qabel jispiċċa t-terminu tiegħu. Dan għaliex panel independenti saħqet li t-tmexxija tiegħu wasslet għal kultura ta’ bullying, abbuż tal-poter u fastidju, anka dak sesswali.

Dan il-panel, magħmul minn 4 membri, kitbu rapport ta’ 70 paġna dwar it-tmexxija tal-Kap, Michel Sidibe, li ilu d-Direttur Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija mill-2009. Sidibe ħabbar id-deċiżjoni li jċedi s-siġġu wara laqgħa dwar ir-rapport mal-bord tal-UNAIDS, laqgħa li estendiet tliet ijiem.

Sidibe saħaq li se jagħmel minn kollox biex ikun hemm tranżizzjoni bla intoppi, u li se jibqa’ jiffoka fuq il-membri li jaħdmu ma’ din l-għaqda sabiex kulħadd jibqa’ jaqdi lill-poplu.

In-Nazzjonijiet Magħquda dan l-aħħar pruvat iżżid it-trasparenza wara li kien hemm akkużi ta’ fastidju sesswali u abbuż kontra membri tal-U.N. fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali. Għalhekk, qed jaħdmu b’mod pubbliku sabiex jiġu diskussi affarijiet bħal dawn.