It-Tlieta l-Parlament jivvota jekk iridx stat ta’ emerġenza dwar il-klima

Hekk kif nhar it-Tlieta li ġej fil-Parlament, id-deputati huma mistennija jivvutaw dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-klima, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex ma jwebbisx rasu u jiddikjara stat ta’ emerġenza dwar il-klima f’Malta.

F’botta u risposta bejn iż-żewġ partiti, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li ż-żgħażagħ jistennew li l-membri parlamentari jieħdu azzjoni konkreta dwar it-tibdil tal-klima. Dan minħabba li din il-proposta kienet issemmiet mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ waqt l-attività annwali tagħhom fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

AQRA: Iddikjaraw stat ta’ emerġenza dwar it-tibdil fil-klima – iż-żgħażagħ lill-Parlamentari

Huwa kompla li l-Gvern għażel li jpoġġi l-gwadann politiku partiġġjan qabel l-aspirazzjoni taż-żgħażagħ u ddeċieda li jivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ambjent Jason Azzopardi qal li fl-emendi mitluba mill-Gvern ma jissemmewx x’inhuma l-miri tiegħu dwar il-klima sal-2030 u l-2050 kif qed jagħmlu pajjiżi oħra Ewropej.

Il-Partit Laburista rreaġixxa billi qal li hu għandu kull intenzjoni li jikkopera dwar il-bidla fil-klima kif diġà għamel fil-liġi tal-2015. Il-PL qal li l-emendi mressqa mhumiex kontradittorji għall-mozzjoni oriġinali u għalhekk m’hemm l-ebda diffikultà li din tkun approvata unanimament mill-Parlament.

Fi stqarrija oħra l-Partit Nazzjonalista reġa’ wieġeb lura billi staqsa b’mod rettoriku jekk il-liġi tal-2015 li qed jirreferi għaliha l-Partit Laburista ssemmix kriżi jew emerġenza b’rabta mat-tibdil fil-klima. Jistaqsi wkoll jekk din il-liġi kinitx torbot lill-Gvern li jnaqqas l-emissjonijiet tal-kubrit fil-Port il-Kbir u jekk tgħidx li għndu jkun hemm uffiċjal maħtur fil-Parlament kif ukoll Kumitat Parlamentari li jiffukaw fuq il-ksib tal-miri ambjentali.

L-istqarrija ttemm billi tgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija lesta li tiltaqa’ u tiddiskuti biex ikun hemm qbil dwar il-mozzjoni.