It-tlieta jippruvaw jipperswadu li huma l-aħjar

It-tliet kontestanti għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista dalgħodu pprovaw jipperswadu lid-delegati tal-PL, li huma l-aħjar għal din il-pożizzjoni.
Il-Ministru Chris Fearne, il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru Helena Dalli, kienu intervistati fuq One TV, mill-ġurnalisti ta’ TVM, Union Print u MaltaToday.
Fost l-oħrajn, huma ntalbu jwieġbu jikkunsidrawx it-tmexxija tal-partit, u dan jekk il-PM Joseph Muscat ma jibqax fit-tmun wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, kif qal bosta drabi.
Minnhom, il-Ministru Chris Fearne biss ma weġibx jekk jikkunsidrax jikkontesta għal Mexxej tal-Partit.
Il-Ministri Helena Dalli u Edward Scicluna kienu skjetti fit-tweġiba tagħhom.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza sostniet li mhix interessata f’kariga lil hinn minn dik ta’ deputat mexxej. Hija fakkret li Dr Muscat fada fiha meta kien hemm bżonn li isem Malta jitnaddaf fil-Parlament Ewropew, kif ukoll qalet li kien lilha li għażel sabiex tinnegozja ma’ Michel Barnier dwar Brexit u l-effett fuq Malta.
Irrimarkat, li dawn huma kwalitajiet li d-delegati se jikkunsidraw meta jiġu biex jagħżlu deputat mexxej.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi qal li la hu interessat fit-tmexxija tal-PL u lanqas fil-Kummissarjat Ewropew.
Enfasizza li, kif ilu jagħmel mindu daħal fil-PL, il-mira tiegħu hi li jservi lill-PM u lill-poplu.
Il-Ministru tas-Saħħa, imbagħad, aċċenna li Joseph Muscat huwa l-aħjar mexxej li l-pajjiż jeħtieġ bħalissa, u filwaqt li enfasizza li se jagħmel ħiltu biex jikkonvinċi lil Dr Muscat jibqa’ fit-tmexxija, ħalla l-bibien miftuħa għall-interpretazzjonijiet dwar postu f’dik il-kariga.
Esperjenza fil-Partit Laburista u tibdiliet fil-ħidma parlamentari
It-tliet kandidati tkellmu dwar l-istorja tagħhom fil-partit, u kif din tista’ tkun l-għodda li biha jaġixxu bħala deputat mexxej.
Dalli qalet li ilha 38 sena timmilita fil-partit, u kienet hemm fil-maltemp u l-bnazzi.
Mistoqsija dwar il-kwota għan-nisa fil-Parlament, il-Ministru qalet li taqbel magħha, għalkemm iddeskrivietha bħala “ħażin neċessarju”, li ladarba tiddaħħal u l-bidliet iseħħu, għandha titneħħa.
Hija sostniet ukoll li l-privileġġ parlamentari għandu jitneħħa, u li l-backbenchers fil-Parlament ikunu aktar involuti, fost l-oħrajn billi x-xogħol fil-Parlament jibda jitqies bħala wieħed full-time.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Scicluna ddeskriva lilu nnifsu bħala insider tal-PL, u fakkar li kien ilu jagħti pariri finanzjarji u jikteb rapporti għall-baġits sa minn żmien Duminku Mintoff.
Semma l-esperjenza li kellu fil-Parlament Ewropew, u saħaq li dan l-impjieg full-time li kellu, huwa valur addizzjonali jekk jintgħażel deputat mexxej.
Temm jgħid li se jibqa’ hemm sabiex irawwem liż-żgħażagħ li jgħallem l-Università b’pariri li jgwadu mill-għerf taż-żmien, kif ukoll sabiex jieħu l-piż fuqu meta l-Prim MInistru jitolbu l-għajnuna.
Imbagħad, il-Ministru Fearne aċċenna li l-kwalitajiet tiegħu bħala tabib huma essenzjali wkoll fil-politika, u se jħaddimhom jekk isir deputat mexxej. Tkellem dwar il-qrubija mal-poplu, it-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti, u l-fatti li jwieżnu d-deċiżjonijiet.
Huwa qal li jaqbel mal-kwota għan-nisa fil-Parlament, mal-vot li jinżel għal 16-il sena, u qabel ma’ Dalli dwar il-full-time għax-xogħol fil-Parlament.
Id-delegati tal-PL se jagħżlu deputat mexxej nhar il-Ħamis waqt konferenza, liema vot ikompli l-għada. Jekk ħadd ma jikseb il-maġġoranza, il-vot jissokta s-Sibt.