It-Tlieta jibda jitqassam il-vaċċin tal-Covid-19 fir-Renju Unit

Nhar it-Tlieta se jibda t-tqassim tal-vaċċin fir-Renju Unit, skont id-Dipartiment tas-Saħħa. Skont l-NHS, din se tkun l-ikbar kwantita ta’ vaċċini mqassma fil-pajjiż.

Il-frontliners, persuni li għandhom ‘il fuq minn 80 sena u ħaddiema fid-djar tal-anzjani u residenzi oħra se jkunu minn tal-ewwel li jieħdu l-vaċċin. Dan se jkun qed jitqassam minn 50 sptar differenti madwar l-Ingilterra.

Is-Segretarju għas-Saħħa Matt Hancock iddeskriva l-bidu tal-iskema tal-vaċċin bħala moment storiku.

Kontejners kesħin li fihom qed iżommu l-vaċċin qed jaslu fir-Renju Unit mill-Belġju u qed ikunu ppreparati biex jitmexxew minn żoni ta’ sigurta għall-isptarijiet. Skont Prof. Stephen Powis mill-NHS qal li minkejja l-kumplessitajiet enormi, l-ewwel dożi se jkunu qed jaslu fl-isptarijiet it-Tnejn, biex jitlestew għat-tqassim nhar it-Tlieta.

L-ewwel konsenja tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech waslet fir-Renju Unit il-Ħamis. Mat-800,000 doża mistennija jkunu disponibbli fir-Renju Unit mill-ġimgħa d-dieħla. S’issa l-Gvern ordna mal-40 miljun doża, biżżejjed biex jitlaqqmu 20 miljun persuna, b’żewġ tilqimiet kull wieħed, b’21 jum bejn kull tilqima.