It-tliet Slaten Maġi jaslu Malta mill-Ġermanja

Mill-Ġermanja għall-Malta u minn Malta għall-Bethlehem f’Għajnsielem.
Dalgħodu, għall-ħabta tal-10.15am tliet Slaten Maġi komplew il-vjaġġ tagħhom lejn Bethlehem f'Għajnsielem u telqu mill-Manikata għad-Dar tal-Anzjani, il-Mellieħa.
Hekk kif waslu fil-Pjazza tal-Mellieħa huma għamlu rakkont drammatizzat ta’ meta l-Maġi marru għand Erodi.
Intant, iktar tard matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-Maġi mistennija jaqbdu l-vapur lejn Għawdex u kif jaslu l-Imġarr se jtemmu l-vjaġġ tagħhom billi jirkbu ż-żwiemel li se jwassluhom għall-Bethlehem f’Għajnsielem.
Fi tmiem dan il-vjaġġ se ssir adorazzjoni fl-Għar Qaddis.
Ftit tal-ġranet ilu, il-Maġi kienu qegħdin fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne fejn hemmhekk tfakkar it-850 anniversarju minn meta r-relikwi tat-tliet Slaten Maġi waslu f’Cologne.
Din hija waħda mis-sensiela ta’ attivitajiet tal-Milied li ġew organizzati f’Għawdex u li permezz tagħha se jintlaħaq il-qofol u jiġu fi tmiemu Bethlehem f'Għajnsielem ieħor.
Din is-sena, Bethlehem f’Għajnsielem żaruh mal-15,000 persuna.