It-tliet palazzi tal-President mixgħula bl-aħmar sal-14 ta’ Ġunju

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm

Ritratt: OPR

Ta’ kull sena fl-14 ta’ Ġunju jiġi kkommemorat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Fil-fatt din is-sena, wara l-ewwel kommemorazzjoni tiegħu li seħħet fl-14 ta’ Ġunju tal-2004 f’Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, ser jiġi kkomemorat is-17-il anniversarju.

Minn dik is-sena ’l hawn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja, inkluż Malta, bdew u baqgħu jikkommemoraw dan il-jum taħt il-kappa tal-Għadqa Dinjija tas-Saħħa li ta’ kull sena tagħżel tema. Din id-darba t-tema hija “Id-demm ħieles mill-mard isalva l-ħajja tan-nies” u l-messaġġ ta’ din din is-sena huwa “Agħti d-demm b’risq dinja aktar f’saħħitha”. L-iskop tal-messaġġ huwa li jixpruna iktar nies f’saħħihom jersqu u jagħtu d-demm b’mod regolari.

Skop ieħor ta’ dan il-jum hu li d-donaturi li jagħtu d-demm fuq bażi volontarja u mingħajr pretensjoni ta’ xi ħlas lura, ikunu murija rikonoxximent b’mod miftuħ, partikolarment mill-istat, u apparti minn hekk il-ġest nobbli tagħhom iservi ta’ eżempju għal oħrajn.

Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha mhux biss ħafna bidliet mhux mistennija, iżda ġabet ukoll sens akbar ta’ gratitudni bejn il-bnedmin u metodi ġodda ta’ kif dan jiġi muri.

Il-kommemorazzjoni tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm fil-gżejjer tagħna kulma jmur qed tissaħħaħ sena wara l-oħra, u għalkemm din is-sena ma nistgħux niċċelebrawh biċ-ċerimonja tas-soltu taħt il-patroċinju tal-President George Vella, dan ma jfissirx li dan il-jum ser jgħaddi bla ma l-President, bħala l-kap tal-istat, ma jurix apprezzament lid-donaturi tad-demm sa ma jerġa’ jasal iż-żmien li fih issir ċerimonja statali ta’ rikonoxximent xieraq.

Ritratt: OPR

Għaldaqstant bħala sinjal ta’ rikonoxximent lid-donaturi tad-demm, il-President Vella wera x-xewqa li t-tliet palazzi tal-President, dak tal-Belt Valletta, ta’ Sant’ Anton, u tal-Verdala jinxtegħlu bl-aħmar mill-1 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Ġunju – il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm.

Il-President jieħu l-opportunità biex iħajjar entatjijiet governattivi, għaqdiet mhux governattivi, stabbilimenti kummerċjali u oħrajn, biex jimxu fuq l-eżempju tiegħu u b’hekk b’mod apert id-donaturi tad-demm jiġu murija apprezzament għall-ġest nobbli tagħhom u jagħmlu iktar kuraġġ biex f’dan iż-żmien diffiċli jmorru  jagħtu d-demm għall-ġid u s-saħħa tal-oħrajn.

Nota: Ta’ kull sena f’Malta u f’Għawdex jagħtu d-demm ’il fuq minn 21,000 persuna, u jsiru madwar 17,500 donazzjoni ta’ demm u pjastrini.