It-tliet mexxejja f’wieħed mill-aħħar dibattiti qabel l-elezzjoni

F’wieħed mill-aħħar dibattiti bejn it-tliet mexxejja tal-partiti, Dr Lawrence Gonzi, Dr Joseph Muscat u Dr Michael Briguglio ppartecipaw fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali fejn iddiskuttew suġġetti varji.

Joseph Muscat beda billi qal li l-għan tal-PL hu li jkompli fuq it-tajjeb li ġa sar. Qal li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm mumenti fejn iż-żewg partiti ħadmu flimkien, u Dr Muscat jixtieq li din ma tkunx eċċezzjoni.

Dr Lawrence Gonzi qal li jekk irridu bidla, din trid tkun għall-aħjar. Saħaq li l-fabbriki u l-postijiet tax-xogħol li ħoloq il-Partit Nazzjonalista qiegħed imur iżurhom Dr Muscat stess. Rigward dan, il-Mexxej tal-Partit Laburista rribatta billi qal li minkejja li mar iżur diversi ħaddiema, ma seta’ jara ebda ħaddiem fi Smart City.

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi baqa’ jistaqsi lil Dr Muscat f’liema direzzjoni jixtieq jieħu lil pajjiżna. Rigward in-night tariff, Dr Gonzi qal li Dr Muscat qiegħed dejjem jieħu din il-proposta biċ-ċajt.

Dr Muscat spjega li b’bidla fid-direzzjoni, il-PL irid ifisser kontijiet irħas tad-dawl u l-ilma anke permezz ta’ enerġija nadifa. Semma’ l-bidla li hemm bżonn fis-settur tas-saħħa u l-edukazzjoni. Saħaq li l-ikbar bidla fid-direzzjoni trid isseħħ fil-mentalita’.

Rigward it-tkabbir ekonomiku prevvist mill-Partit Nazzjonalista, Dr Gonzi qal li anke jekk dak ikkalkulat mill-PN ma jseħħx, kull tkabbir huwa aħbar tajba għax pajjizi oħra qed ikollhom tnaqqis.

Michael Briguglio, chairman tal-Alternattiva Demokratika saħaq li jekk ikunu fil-Parlament, l-AD sservi ta’ pont bejn iż-żewġ partiti. Saħaq li jekk ikollu jkun hemm koalizzjoni, l-AD tifforma koalizzjoni mal-Partit li l-aktar ikollu sapport. Qal li f’kuntest bħal dan, l-AD “ma tagħmilx bħal Franco Debono”.