​It-tliet lokalitajiet Maltin bl-inqas barranin

F’Santa Luċija, ż-Żejtun u Ħaż-Żabbar jgħix l-inqas ammont ta’ barranin. Għall-kuntrarju, il-barranin jgħoddu iktar minn 20% tal-popolazzjoni f’Birżebbuġa, San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema.
Dawn id-dettalji joħorġu mill-ewwel kompendju reġjonali b’analiżi sal-2015, ippublikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Fejn naqsu u fejn żdiedu n-nies
Fl-analiżi tal-popolazzjoni jirriżulta li bejn l-2011 u l-2015, l-ikbar tkabbir tal-popolazzjoni Maltija bi 15% u aktar seħħ fis-Swieqi, f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan. Il-maġġoranza tal-lokalitajiet kellhom żidiet ta’ inqas minn 5% fil-popolazzjoni filwaqt li 24 lokalità kellhom tnaqqis fil-popolazzjoni Maltija.
L-iktar lokalitajiet li raw tnaqqis fil-popolazzjoni huma l-Imdina, l-Għasri u Ħal Luqa.
Fir-reġjuni ta’ Għawdex u Kemmuna, San Lawrenz ra l-ikbar tkabbir fil-popolazzjoni filwaqt li l-Għasri, ir-Rabat, il-Fontana u n-Nadur raw l-iżjed tnaqqis.
F’Għawdex iktar nisa anzjani
L-istatistika turi li fl-2015 f’Malta u Għawdex kien hemm tqassim kważi ndaqs bejn nisa u rġiel fl-età bejn l-20 u d-39 sena. Kien hemm ftit iktar nisa bejn il-50 u d-69 sena. F’Għawdex hemm iktar nisa ta’ 74 sena u aktar.
Bejn l-2010 u l-2015, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet kull sena bi tkabbir totali ta’ 19,035 persuna. F’Għawdex, il-popolazzjoni żdiedet kull sena ħlief fl-2013 u t-tkabbir totali tal-popolazzjoni f’5 snin kien ta’ 379 persuna.