It-tkeċċijiet ma jħassbuniex; uffiċjali tal-VGH f’Malta t-Tlieta – MAM

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal li r-rapporti li deheru fil-midja dwar it-tkeċċija ta’ membri tal-amministrazzjoni fl-isptar Karin Grech ma jħassbuhx u li ġejjin uffiċjali mill-Vitals Global Healthcare (VGH) biex jiffinalizzaw ftehim.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk dawn it-tkeċċijiet humiex se jafftettwaw lit-tobba, Balzan qal li ma jaħsibx li dan se jkun il-każ. Żied jgħid li ma kienx hemm tobba li tkeċċew.
Ma’ Newsbook.com.mt Balzan qal li l-aħħar laqgħa li saret mal-Gvern kienet ilbieraħ. Qal li hemm żewġ dokumenti li jinsabu fil-proċess li jiġu ffinalizzati.
Qal li hemm dokument li jittratta dwar is-sitwazzjoni ġenerali bejn il-Gvern u l-MAM li kważi kważi huwa lest. Żied jgħid li hemm dokument ieħor dwar ir-relazzjoni futura ta’ bejn il-Vitals Global Healthcare (VGH), il-Gvern, u l-MAM li għandu jiġi ffinalizzat nhar it-Tlieta 13 ta’ Marzu.
Balzan għal darb’oħra qal li ma jixtieqx jaqsam il-kontenut tad-dokumenti mal-midja qabel ma jiġu ffinalizzati. Madanakollu, qal li jixtieq li dawn jiġu ppublikati wara li jiġu ffirmati.
Ma’ Newsbook.com.mt Balzan qal li jaħseb li d-dokumenti jilħqu l-miri tat-tobba, sakemm ma tinbidilx xi ħaġa fl-aħħar mumenti.
Huwa qal li ġejjin xi uffiċjali tal-Vitals għal laqgħa li jmiss, però Balzan ma kienx f’pożizzjoni jgħid ma’ Newsbook.com.mt min se jkunu. Mistoqsi biex jiċċara jekk dawn kienux uffiċjali tal-VGH jew ta’ Steward Health Care System, Balzan qal li skont il-Gvern il-kumpanija għadha l-VGH, però l-ishma nxtraw minn Steward.
Balzan fakkar kif il-MAM talbet investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-bejgħ tal-konċessjoni li l-Gvern kien ta lil VGH biex tmexxi tliet sptarijiet pubbliċi. Balzan saħaq li l-investigazzjoni għadha ma saritx.
Mistoqsi dwar jekk iħossux komdu jiffirma l-ftehim mal-Gvern u mal-VGH qabel ma tkun lesta l-investigazzjoni, huwa qal li kieku d-dokumenti ma jiġux iffinalizzati issa kien jispiċċa jbati l-pazjent. Qal li jekk jiġri xi ħaga, ikollu jerfa’ r-responsabbilità l-Awditur Ġenerali.
Newsbook.com.mt fakkar lil Balzan dwar it-tħassib li kien qam f’Malta meta bdiet tissemma l-VGH u mbagħad meta daħlet Steward, tħassib li kien ġej min-naħa tal-MAM ukoll li wassal għal strajk. Mistoqsi dwar jekk hux se jkollu fiduċja f’dawn iż-żewġ dokumenti, Balzan qal li t-tobba se jkollhom “assigurazzjonijiet b’saħħithom”. Żied jgħid li s-sitwazzjoni tat-tobba se tkun aħjar minn kif kienet qabel.
Jitkeċċew 17 – PN
Intant, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma żammx kelmtu meta qal li Steward kienu se jżommu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Skont il-PN tkeċċew 17-il ħaddiem mill-post tax-xogħol tagħhom.
Il-PN saħaq li l-VGH ħadet €50 miljun minn ħalq il-poplu Malti u skont il- PN, l-unika differenza li ħallew warajhom hija t-toqba kbira ħdejn l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.