It-tkeċċija tal-bdoti tal-Air Malta eżempju ċar ta’ abbuż – Assoċjazzjoni Ewropea

Read in English.

Il-President tal-European Cockpit Association (ECA), Jon Horne qal li t-tkeċċija tal-bdoti tal-Air Malta hija eżempju ċar ta’ kif il-coronavirus jista’ jintuża bħala skuża biex id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu mminati.

Hu qal dan fi stqarrija b’reazzjoni għat-tkeċċija ta’ 69 bdot mil-linja tal-ajru Maltija l-Air Malta. L-ECA tirrappreżenta aktar minn 40,000 pilota madwar l-Ewropa. L-Assoċjazzjoni sostniet li l-Air Malta ma pproċedietx b’konsultazzjoni adegwata skont kif titlob il-liġi Ewropea.

Is-Segretarju Ġenerali tal-ECA, Philip von Schöppenthau, qal li mhux aċċettabbli li l-awtoritajiet Maltin jiffaċilitaw tibdiliet f’impjieg dirett ma’ impjiegi bi prekarjat permezz ta’ aġenziji barranin u self-employment. Minflok ma Malta ssir bandiera ta’ konvenjenza, hemm bżonn li ssir ħidma biex l-industrija Ewropea tal-avjazzjoni tkun issalvagwardjata.

Horne qal li l-coronavirus qed jolqot lill-ħaddiema madwar l-Ewropa kollha. Sostna li fost l-aktar milquta f’dan il-perjodu kien hemm is-settur tal-avjazzjoni. L-ECA ħeġġet lill-Gvern Malti biex jirrisolvi l-problemi fl-Air Malta billi juża fondi Ewropej biex jipprovdi sapport adegwat waqt il-kriżi. Intant qal li l-ECA qed titlob li l-Gvern Malti jassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż piloti, jkunu rispettati u ma jkunx hemm aġir opportunist.