It-tkabbir ekonomiku tal-2021 se jagħmel tajjeb għal din is-sena – Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali qed ibassar li s-sena d-dieħla l-ekonomija Mltij se tikber b’rata ta’ 6.1% u dan se jagħmel tajjeb għat-tnaqqis osservat din is-sena b’riżultat tal-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija mill-Gvern kien spjegat li l-analisti tal-Bank Ċentrali nnutaw li l-andament ekonomiku fil-pajjiż se jkun ferm aħjar minn dak ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro. Fit-tbassir tagħhom l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali sostnew li l-ekonomija Maltija se tingħata spinta permezz tal-miżuri mħabbra riċentament mill-Gvern. B’kollox il-miżuri li introduċa l-Gvern huma stmati li għollew il-ġid nazzjonali bi 3%. B’kollox dawn il-miżuri naqqsu l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 b’madwar terz skont il-Bank Ċentrali.

Kien spjegat li r-rapport jinnota wkoll li minkejja t-tnaqqis fil-ġid nazzjonali, l-impatt fuq is-suq tax-xogħol mistenni jkun limitat. Dan minħabba li l-miżuri fiskali jiffukaw direttament fuq dan il-qasam. Intqal li l-esperti tal-Bank innutaw kif f’Ġunju, minkejja l-pandemija, il-pajjiż għall-ewwel darba kellu l-inqas rata ta’ qagħad fiż-żona ewro. Barra minn hekk il-ħaddiema se jaffaċċjaw rata ta’ inflazzjoni inqas minn dik osservata fl-aħħar snin, fattur li se jgħin ikabbar il-poter ta’ akkwist tagħhom.

Il-Bank Ċentrali bassar ukoll li l-qagħda finanzjarja tal-Gvern se tibda titjieb mill-2021. Barra minn hekk, il-piż tad-dejn nazzjonali mistenni jibqa’ taħt ir-rata ta’ 60% tal-ġid nazzjonali u se jibqa’ wieħed mill-inqas fiż-żona ewro.