Iqarbnu bil-maskra minħabba l-coronavirus

Credit: Thomas Peter/Reuters via CNS.

Il-mikrobu tal-coronavirus qed ikompli jixtered tant li issa laqat lil kull provinċja fiċ-Ċina u qed jinfirex anke barra l-pajjiż. L-awtoritajiet Ċiniżi tawlu bi tlett ijiem il-perjodu tal-vaganzi marbut maċ-ċelebrazzjonijiet tal-bidu tas-sena Ċiniża biex jevitaw li madwar 500 miljun persuna jkollhom bżonn jivvjaġġaw.

Hong Kong, Taiwan u t-Tajlandja, huma l-aktar pajjiżi barra miċ-Ċina li ntlaqtu b’din il-marda. Minħabba f’hekk, id-djoċesi ta’ Hong Kong ħarġet linji gwida għas-saċerdoti, ministri tal-Ewkaristija fejn fost l-oħrajn ordnat li dawn għandhom jilbsu maskri waqt it-tqarbin.

Fi stqarrija tat-23 ta’ dan ix-xahar, id-djoċesi qalet li din hi epidemija serja u jekk tkompli tinfirex u ssir emerġenza, il-Knisja tista’ toħroġ direttivi oħra.

Żjarat fl-isptarijiet

Id-djoċesi qalet li l-isptarijiet issospendew iż-żjajjar ta’ kuljum lill-pazjenti u qalet li l-Ministri tal-Ewkaristija m’għandhomx imorru jqarbnu lill-morda fl-isptarijiet. Jekk ikun hemm bżonn il-preżenza ta’ saċerdot fl-isptar biex jagħmel id-Dilka tal-Morda, dan għandu jimxi mad-direttivi tal-isptar u jilbes maskra apposta u qabel joħroġ mill-isptar għandu jaħsel idejh sew.

Il-Linji Gwida jinkludu wkoll direttivi dwar tindif ta’ mikrofoni li jużaw il-letturi u taw struzzjonijiet biex b’sinjal ta’ paċi, in-nies jinkinaw lejn xulxin flok jieħdu b’idejn xulxin.

Għalkemm it-Tajlandja hi destinazzjoni popolari għat-turisti Ċiniżi, speċjalment fi żmien il-bidu tas-sena Ċiniża li bdiet fil-25 ta’ Jannar, is-servizzi tal-Knisja f’Bangkok s’issa ma kinux affettwati. Imma l-awtoritajiet tal-pajjiż żiedu l-kontrolli f’ħames ajruporti internazzjonali li hemm fil-pajjiż.

Mitt elf infettati

Aktar minn 132 persuna mietu minn dan il-virus, kważi 6,000 każ aċċertat ta’ persuni infettati fiċ-Ċina u aktar minn 60 persuna oħra infettati bil-virus barra l-pajjiż fosthom l-Amerka, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, it-Tajlandja, Singapore, l-Awstralja u pajjiżi oħra. Madankollu hemm suspett li n-numru ta’ pesuni infettati hu ferm akbar minn dak li qed jgħidu l-awtoritajiet Ċiniżi. Riċerkaturi Ingliżi jsostnu li hemm aktar minn 100,000 persuna infettati mill-virus.

Hu maħsub li madwar 60 miljun persuna li jgħixu fil-provinċja ta’ Hubei jinsabu iżolati u taħt kwarantina. It-trasport minn u għal din il-provinċja hu sospiż.

F’Tajwan il-Gvern kien qed jippjana li jibgħat lura lejn pajjiżhom madwar 6,000 turist Ċiniż li bħalissa qed iżuru l-pajjiż.

Din l-epidemija ħarbtet diversi attivitajiet ċiviċi u reliġjużi konnessi mal-bidu tas-sena.  Numru ta’ attivitajiet tħassru, filwaqt li fil-bliet ta’ Wuhan, Shangai u diversi bliet f’Hubei, kellhom jitħassru anke l-quddies.

Sadattant il-Kattoliċi f’Singapore ntalbu ma jmorrux quddies jekk iħossuhom xi ftit ma jifilħux. L-Arċidjoċesi bagħtet ittra fejn infurmat lill-pubbliku li t-tqarbin mill-kalċi hu sospiż u t-tqarbin isir biss fuq l-idejn u mhux fuq l-ilsien.

Il-Knisja qalet li “mhux dnub li wieħed jitlef il-quddiesa tal-Ħadd jekk ikun marid”.