It-titjiriet tal-Air Malta kollha lura għan-normal

L-Air Malta kkonfermat li l-ħinijiet tat-titjiriet reġgħu ġew kollha għan-normal, wara li lbieraħ ajruplan tagħha nqabad fl-ajruport ta’ Orly ta’ Pariġi minħabba ħsarat tekniċi.
Ma' Newsbook.com.mt ilbieraħ kelliem għall-Air Malta qal li inġiniera tagħha ntbagħtu Pariġi fejn spezzjonaw u sewwew il-ħsarat.
Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru qalet fi stqarrija li minħabba t-telf ta’ ħin, titjira skedata għal Amsterdam dalgħodu telqet 55 minuta tard, iżda sa nofsinhar l-iskeda kollha reġgħet ġiet fil-ħin.
Iċ-Ċermen tal-Air Malta, Charles Mangion, qal li ħassu impressjonat għall-mod kif it-tekniċi mmaniġġjaw is-sitwazzjoni bil-għan ewlieni li l-klijent jiġi affettwat kemm jista’ jkun mill-inqas.
Il-linja tal-ajru skużat ruħha għal kull inkonvenjent li nqala’.
Ritratt: Arkivji