It-titjira t’għada lejn Tripli se tittardja b’6 sigħat

Għada, it-titjira tal-Air Malta lejn Tripli li suppost titlaq fis-14:15, se titlaq fit-20:55 minħabba li r-runway tal-ajruport ta’ Tripli se tingħalaq għal 18-il siegħa. Dan sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni.

Ix-xogħol mistenni jsir bejn nofsillejl tal-lum u s-6pm ta’ għada l-Ġimgħa.

Xi linji tal-ajru fosthom l-Alitalia se jniżżlu l-ajruplani tagħhom fl-ajruport ta’ Mitiga. Dan hu ajruport iżgħar minn ta’ Tripli.

L-awtoritajiet tal-ajruport ikkonfermaw li tħassar il-pjan li l-ajruport ta’ Tripli jingħalaq għal tliet xhur sħaħ biex isirlu xogħol ta’ manutenzjoni.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Air Malta qal li l-linja tal-ajru nazzjonali titlob skuża għal dan id-dewmien li ma kellhiex kontroll fuqu.