It-titjib fl-arja kkawżat mill-coronavirus evita iktar minn 11-il elf mewta prematura

FILE PHOTO: REUTERS/Toby Melville/File Photo

Read in English.

Skont studju ppublikat nhar il-Ħamis, 11,300 mewta prematura ġew evitati bis-saħħa tat-titjib fil-kwalità tal-arja fl-Ewropa b’riżultat tal-lockdowns biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-pandemija tal-coronavirus.

Riċerkaturi estrapolaw l-impatt probabbli ta’ mard li huwa kkawżat jew li huwa affetwat mit-tniġġis fl-arja, li l-livelli tiegħu naqsu drastikament hekk kif mijiet ta’ miljuni ta’ persuni baqgħu fi djarhom matul dan l-aħħar xahar.

“Dan ir-riżultat jista’ jitqabbel mal-fatt li kieku kull persuna fl-Ewropa kellha tieqaf tpejjep għal xahar,” qal Lauri Myllyvirta, l-analist ewlieni fiċ-Ċentru ta’ Riċerka dwar l-Enerġija u l-Arja Nadifa bbażat f’Ħelsinki, li wettaq dan l-istudju.

“L-analiżi tagħna titfa’ dawl fuq il-benefiċċji tremendi għas-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja li jistgħu jinkisbu bit-tnaqqis mgħaġġel fl-użu ta’ fjuwils fossili b’mod konsistenti u sostenibbli.”

Il-benefiċċji fil-Ġermanja, l-Ingilterra u l-Italja eċċedew l-għadd ekwivalenti ta’ aktar minn 1,500 mewta prematura f’kull pajjiż. 

Iċ-ċittadin Ewropew medju kien espost għal 37% anqas fil-livelli ta’ dijossidu tan-nitroġenu li jkunu mistennija normalment fit-30 jum li spiċċaw fl-24 ta’ April, skont CREA. Dan il-gass huwa prodott l-aktar mit-trasport fit-toroq.

Esponiment għall-partikoli, iġġenerati mit-trasport, l-industrija u t-tisħin bil-faħam, kien ta’ 12% anqas mil-livelli normali, skont l-istudju, li kopra 21 pajjiż Ewropew. 

Dan it-tnaqqis osservat fit-tniġġis kien mistenni jirriżulta f’1.3 miljun ġurnata anqas ta’ assenza mix-xogħol, u 6,000anqas każijiet ġodda ta’ ażma fit-tfal, kompla jgħid l-istudju ta’ CREA.

Fl-istess ħin, ir-riċerkaturi nnutaw li esponiment fit-tul għal arja maħmuġa qabel il-pandemija seta’ kkawża jew żied ir-riskju ta’ dijabete, mard tal-pulmun, mard tal-qalb u kanċer – kollha kundizzjonijiet li jżidu r-riskju ta’ mewt għall-pazjenti tal-COVID-19.

“Dak li nistgħu ngħidu s’issa hu li jidher li hemm sovrapożizzjoni bejn il-kundizzjonjiet assoċjati mat-tniġġis fl-arja u dawk li jżidu r-riskju ta’ mewt minħabba l-COVID-19,” qalet Sara De Matteis, professur fl-Università ta’ Cagliari fl-Italja, u membru tal-kumitat dwar is-saħħa ambjentali tas-Soċjetà Respiratorja Ewropea.

It-tniġġis fl-arja jikkawża aktar minn 400,000 mewta prematura fis-sena fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fl-Ingilterra, skont l-aġenzija tal-ambjent tal-UE.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn