It-tipjip fil-pubbliku projbit f’Galizja għax jista’ jżid ir-riskju tal-Covid-19

Fir-reġjun Spanjol ta’ Galizja ġie projbit it-tipjip fil-pubbliku minħabba biża’ li dan iżid ir-riskju tat-trażmissjoni tal-Covid-19.

Dan jgħodd għat-tipjip fit-triq u f’postijiet pubbliċi bħal ristoranti u bars, jekk id-distanza soċjali ma tkunx possibbli.

It-tipjip hu maħsub li jżid il-firxa tal-coronavirus billi meta min qed ikun ipejjep jonfoħ id-duħħan ‘il barra, dan joħroġ il-qtar ukoll, u dak il-qtar jista’ jkun qed iġorr il-coronavirus. Apparti hekk, skont riċerka li saret minn esperti, min ipejjep ikun ukoll f’riskju għax imiss is-sigarett qabel ma jpoġġih f’ħalqu jew għax imiss il-maskra meta jneħħiha biex ipejjep.

Galizja kien l-ewwel reġjun fi Spanja li introduċa din il-miżura, iżda l-Gżejjer Kanarji għamlu l-istess ftit wara.

Spanja għandha l-agħar rata ta’ infezzjonijiet fl-Ewropa tal-Punent. Filwaqt li f’Ġunju kien qed ikun hemm inqas minn 150 każ kuljum fi Spanja, f’Awwissu qed ikun hemm iżjed minn 1,500. It-total ta’ każijiet issa qabeż it-300,000.