It-tim tan-netball All Ages qed jiċċelebra 40 sena mit-twaqqif tiegħu

Il-Klabb tal-All Ages se jkun qiegħed jiċċelebra l-40 sena minn mindu ġie mwaqqaf fl-1979. Sa minn mindu ġie mwaqqaf, il-Klabb baqa’ għaddej b’mod konsistenti tant li llum il-ġurnata huwa l-iktar Klabb li ilu stabbilit, b’parteċipazzjoni kontinwa fil-Kampjonat Nazzjonali.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qiegħed jorganizza l-Klabb, numru ta’ plejers telgħu l-Ingilterra, f’Liverpool fejn din is-sena ġiet organizzata edizzjoni oħra tan-Netball World Cup. Numru ta’ plejers mill-Klabb kienu parti mill-eluf kbar ta’ segwaċi minn madwar id-dinja.

Waqt li kienu l-Ingilterra, il-plejers tal-Klabb lagħbu kontra xi timijiet barranin, liema logħob intlaqa’ tajjeb mill-plejers il-għaliex ingħataw l-opportunità li jilagħbu kontra oppożizzjoni differenti minn dik lokali. Din kienet esperjenza li bla dubju għenithom jikbru iktar fil-logħba tan-Netball.

Il-Klabb qiegħed ifittex imsieħba li lesti jinvestu fih u fit-timijiet tiegħu għall-istaġun 2019/2020. Min jixtieq jinvesti f’tim wieħed jew iktar, ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Klabb billi jibgħat e-mail hawn.