It-tim tal-handball Brittaniku f’Malta

Il-Malta Handball Association (MHA) se tilqa’ f’pajjiżna lit-tim tal-Gran Brittanja ta’ taħt l-20 sena għal żewġ logħbiet ta’ ħbiberija.
L-ewwel logħba se tintlagħab nhar il-Ħadd 30 ta’ Marzu fl-10:30 am u t-tieni logħba se tintlagħab it-Tnejn 31 ta’ Marzu fil-5:30 pm.
L-MHA qalet li dawn il-logħbiet se jkun test importanti għat-tim nazzjonali Malti mmexxi mill-kowċ Ian Psaila, sabiex ikollu ċans li jipprova plejers ġodda.
Fil-fatt Psaila għażel żewġ skwadri.
L-ewwel skwadra magħmula minn plejers kbar għall-logħba tal-Ħadd u skwadra ta’ taħt it-23 sena għall-logħba tat-Tnejn.
Għall-Gran Brittanja wkoll dan se jkun test importanti bi tħejjija għall-Kwalifikazzjoni tal-Federazzjonijiet Ewropej ta’ taħt l-20 sena, li se jsiru f’April li ġej.