It-tim tal-contact tracing mhux ilaħħaq mal-għadd ta’ każijiet – MAPHM

coronavirus testing centre
Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika f’Malta (MAPHM) qalet minħabba l-għadd allarmanti ta’ każijiet tal-coronavirus f’Malta dan l-aħħar, it-timijiet tal-case management u tal-contact tracing mhumiex ilaħħqu u dan qed iwassal għal miżuri ta’ trażżin li mhumiex effettivi daqskemm kienu qabel.

Fi stqarrija, l-MAPHM wissiet li jekk ma jerġgħux jiġu introdotti miżuri ta’ saħħa pubblika, in-nies se jkomplu jitilfu ħajjithom bil-virus, speċjalment issa li ġejja x-xitwa.

L-assoċjazzjoni spjegat kif bħalissa hemm l-ogħla numru ta’ pazjenti bil-coronavirus fis-Sala tal-Kura Intensiva (ITU) mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn, u li ħafna minnhom għandhom inqas minn 60 sena. Ħafna min-nies li hemm l-isptar bil-virus għadhom żgħar u kienu f’saħħithom qabel qabadhom il-virus. Apparti hekk, fl-isptar se tinfetaħ it-tielet sala tal-ITU bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza. Xi operazzjonijiet qed jitħassru peress li l-ħaddiema mhux ilaħħqu, filwaqt li hemm eluf li qegħdin kwarantina mandatorja.

Kompliet tikkummenta li għaddew tliet ġimgħat minn meta l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika rrakkomandaw lill-Gvern miżuri biex titrażżan l-imxija, iżda dawn is-suġġerimenti waqgħu fuq widnejn torox. Dan qed iwassal lill-assoċjazzjoni biex temmen li interessi oħra qed jingħataw aktar importanza mill-prevenzjoni tat-tixrid u mill-imwiet bil-virus.

“Li kieku l-pariri tagħna ttieħdu bħalma ġara f’April, ma konniex inkunu f’din is-sitwazzjoni,” qalu l-ħaddiema tas-saħħa pubblika.

Ilbieraħ tħabbru 93 każ ġdid ta’ coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 881. Mietu b’kollox 44 persuna bil-virus.

Taqbel mal-MAPHM li jiġu introdotti aktar miżuri?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt