It-tim tal-badminton Msida Arrows b’suċċess fi Sqallija

Kontinġent mill-klabb tal-badminton ta’ Msida Arrows tela’ jikkompeti f’turnew li sar fi Sqallija, bl-isem ta’ Torneo Internazionale delle Isole. It-tim kiseb riżultati tajbin hekk kif irnexxielu jirbaħ it-turnew tat-timijiet mingħajr telfa kif ukoll waħda miż-żewġ kompetizzjonijiet individwali. L-avveniment kollu kien mifrux fuq jumejn.

Kull logħba tat-timijiet kienet tikkonsisti minn singles tal-irġiel u n-nisa, doubles tal-irġiel u tan-nisa kif ukoll mixed doubles. Elenia Haber irnexxielha tirbaħ it-turnew tas-singles tan-nisa filwaqt li Magnus Hoffman irnexxielu jasal sal-finali fis-singles tal-irġiel.

Il-klabb ta’ Msida Arrows stqarr li dan ir-riżultat kien ferm pożittiv għall-klabb u jidher biċ-ċar li l-prestazzjoni tat-tim kienet tajba ħafna. Il-plejers li kkompetew kienu: Alida Borg, Elenia Haber, Christabel Cachia, Keith Mifsud, Edward Haber u Magnus Hoffman.