It-tim ta’ psikjatri se jixhdu fis-seduta li jmiss fil-proċeduri kontra t-3 akkużati

Melvin Theuma
Miguela Xuereb

Read in English.

It-tim ta’ tlett psikjatri li qed jassessjaw is-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma, mistennija jixhdu fil-Qorti fil-proċeduri kontra t-tlett akkużati, Vince Muscat u l-aħwa George u Alfred Degiorgio, fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fl-2019, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat kien ta l-maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma, s-sensar fl-assassinju li fl-Lulju tal-2020 kien spiċċa l-isptar wara li weġġa’ lilu nnifsu b’sikkina. Hu kien sofra minn ġrieħi serji.

Mill-21 ta’ Lulju Theuma ma reġax mar il-Qorti biex jixhed u l-Qorti kienet appuntat tim ta’ psikjatri sabiex janalizza s-saħħa mentali ta’ Theuma.

L-Erbgħa, l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, hekk kif komplew il-proċeduri fil-konfront tat-tlett akkużati qalet li l-psikjatri għandhom jitilgħu jixhdu fis-seduta li jmiss, skedata fil-21 ta’ Jannar fis-2 pm.

Muscat u l-aħwa Degiorgio reġgħu kienu preżenti fl-awla numru 22 dalgħodu hekk kif l-Imħallef Edwina Grima, għamlet talba għal aktar evidenza fil-każ kemm minn naħa tad-difiża kif wkoll minn naħa tal-prosekuzzjoni.

Matul is-seduta ta’ llum l-avukat William Cuschieri li qed jidher għall-aħwa Degiorgio staqsa lill-prosekuzzjoni dwar Theuma. Il-Qorti ġiet infurmata li Theuma għadu qed jirċievi l-kura.

Is-Supretendent Keith Arnaud minn naħa tiegħu ippreżenta kopja tad-dokument tal-maħfra presidenzjali.

Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra qed imexxu l-prosekuzzjoni.

Id-Deputat Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia qed jidher f’isem l-Avukat Ġenerali.

L-avukati William Cuschieri u Marc Sant qed jidrhu għall-akkużati filwaqt li l-avukat Jason Azzopardi qed jirrapreżenta l-familja Caruana Galizia.