It-tim Ingliż; mhux se joħroġ mill-grawnd minħabba abbużi razzisti

Gareth Southgate, il-Kowċ tat-tim Nazzjonali Ingliż qal li l-plejers iddeċidew li mhux se jkunu qed joħorġu mill-grawnd jekk f’xi okkażjoni oħra jkunu soġġetti għal abbuż razzist. Dan il-qbil intlaħaq wara li kien hemm serje ta’ konversazzjonijiet bejn il-plejers u l-Kowċ, fejn għamluha ċara li ma ridux jerġgħu jkunu fiċ-ċentru tal-midja.

Xahrejn mindu l-Ingliżi kellhom logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 f’Montenegro u ġew mgħajra xadini minn uħud mill-partitarji li kienu qed jaraw il-logħba, Southgate, l-istaff tekniku u figuri għolja fl-Assoċjazzjoni tal-Futbol iltaqgħu biex jiddeliberaw dwar x’azzjoni għandha tittieħed jekk jiltaqgħu mal-istess sitwazzjoni darb’oħra. Southgate tkellem ma’ fosthom Danny Rose, Raheem Sterling u Callum Hudson-Odoi, u ħadd minnhom ma qal li jekk jiġri l-istess darb’oħra, għandu jitlaq mill-grawnd.

Minflok, il-plejers ġew imħeġġa jagħmlu ilment lir-referee, jew jitolbu lill-istaff tat-taħriġ biex jagħmlu hekk f’isimhom, hekk kif jisimgħu xi ħaġa. Southgate qal li huwa konxju li mhux kulħadd se jaqbel ma’ din id-deċiżjoni, iżda qal li ddeċieda li jrid jimxi max-xewqa tal-plejers tiegħu u jpoġġi fiduċja fl-awtoritajiet li, huwa jirrikonoxxi, ħafna drabi taw l-impressjoni li mhumiex qed jieħdu l-kwistjoni bis-serjetà biżżejjed.