It-tim għandu bżonn attakkant bħal Gabriel Jesus – Guardiola

Il-maniġer ta’ Manchester City Pep Guardiola ddeskriva lil Gabriel Jesus bħala “ġellied inkredibbli”. Guardiola saħaq li t-tim għandu bżonn attakkant ta’ din ix-xorta. Jesus skurja darbtejn fil-logħba kontra Burnley.

Qabel il-logħba kontra Burnley, City kienu ilhom ħames logħbiet ma jirbħu mill-kompetizzjonijiet kollha. Sa qabel lagħbu kontra Burnley kienu 11-il punt taħt Liverpool. Iżda grazzi għal Gabriel Jesus li skurja l-ewwel żewġ gowls tiegħu fil-11-il logħba li lagħab s’issa, u l-gowls ta’ Rodri u Mahrez, irnexxielhom jiksbu tliet punti.

Guardiola qal li t-tim tiegħu hu stabbli, u dak hu li jixtieq. Stqarr li trid tkun miġnun biex taħseb dwar it-titlu tal-kampjonat meta hemm naqra distakk mhux ħażin bejn l-ewwel u t-tieni post.