It-tilqima tal-yellow fever ilha 3 xhur out of stock

It-tilqima tal-yellow fever ilha out of stock minn Diċembru li għadda u mhux magħruf meta se terġa’ tkun disponibbli.  Il-yellow fever hija marda akuta li tinfirex minn gdim ta’ nemus infettat u li hi komuni f’pajjiżi Afrikani u l-Amerika t’Isfel.
Ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qal li t-tilqima tal-yellow fever hija nieqsa għax hawn problema internazzjonali.
Żied jgħid li d-Dipartiment tas-Saħħa kien se jġib alternattiv għal dan il-vaċċin, iżda meta laħaq ftehim mal-aġent lokali u nħarġet l-ispeċifikazzjoni klinika għall-prodott offrut, id-Dipartiment ġie nfurmat li d-dożi allokati għal Malta nbiegħu lil pajjiż ieħor. Sostna li issa ħarġet sejħa oħra.
L-istess kelliem qal li l-problema hija segwita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li qed tagħti parir biex il-visas għal dawk il-Maltin li jkunu se jżuru dawn il-pajjiżi, jinħarġu xorta waħda u jitniżżel li l-individwu ma jkunx ħa l-prevenzjoni meħtieġa.
Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ diversi spiżeriji f’Malta u Għawdex li qalu li jbiegħu din it-tilqima wara li ssir talba mill-persuna li jkollha bżonnha.
F’Mejju 2013, l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet ħabbret li m’għadx hemm bżonn li wieħed jieħu booster tal-yellow fever wara għaxar snin li jkun ħa l-vaċċin.
Kull sena 200,000 persuna fid-dinja jiġu nfettati bil-yellow fever, li minnhom imutu 30,000 persuna.

Ħalli kumment hawn b'ismek u kunjomok.