It-tilqim mhux mistenni jkun lest din is-sena – Macron

FILE PHOTO: French President Emmanuel Macron speaks to the media, after casting his ballot during the first round of the mayoral elections in Le Touquet, France, March 15, 2020. REUTERS/Pascal Rossignol/Pool

Il-President Franċiż Emmanuel Macron wissa li s’issa m’hemm ebda ħjiel li jista’ jkun hemm tilqim għal kontra l-coronavirus din is-sena u l-indikazzjonijiet huma li jekk kollox jimxi tajjeb, dan ikun fl-idejn lejn tmiem is-sena d-dieħla.

Macron qal dan waqt li kien qed iżur l-Istitut Pasteur f’Pariġi, fejn esperti Franċiżi qed jaħdmu fuq tilqim u trattament għall-coronavirus.

Macron qal li s’issa ħadd ma qallu li se jkun hemm tilqim għall-coronavirus qabel ix-xitwa tas-sena d-dieħla. Il-President Franċiż qal li kien hemm bżonn li wieħed jitkellem ċar dwar is-sitwazzjoni u li wieħed ikun realistiku.

Il-kummenti ta’ Macron saru sigħat wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen esprimiet tama li jista’ jkun hemm tilqim għal kontra l-coronavirus fis-suq aktarx qabel il-ħarifa. 

Anke l-aġengija medika tal-Unjoni Ewropea qed tbassar li jridu jgħaddu ħafna xhur qabel ma jkun hemm tilqim għall-coronavirus fl-idejn.