It-tijiriet tal-Air Malta lejn l-Ingilterra se jaħdmu skont l-iskeda

Read in English.

It-titjiriet tal-AirMalta lejn l-Ingilterra se jkunu qed jaħdmu skont l-iskeda. Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-AirMalta.

Ilbieraħ, fi stqarrija, l-AirMalta qalet li kienet ħassret numru ta’ titjiriet minn u lejn Gatwick u Heathrow f’Londra. Dan minħabba l-maltempata bl-isem ta’ Storm Ciara, li ħakmet lill-pajjiż u l-Ewropa tal-Punent.

Minkejja li l-AirMalta ħassret it-titjiriet tal-bieraħ, skont is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, titjiriet oħrajn minn kumpaniji tal-ajru oħra lejn Londra xorta għamlu l-vjaġġi tagħhom. Dawn jinkludu titjiriet tar-Ryanair lejn Luton u Stansted u titjira tal-easyJet lejn Gatwick.

L-Air Malta żiedet żewġ titjiriet speċjali lejn u minn Gatwick illum. KM3124 minn Malta għal Gatwick se titlaq fil-5pm filwaqt li KM3125 se titlaq minn Gatwick lejn Malta fid-9.20pm.

Il-linja tal-ajru Maltija ma kinitx l-unika waħda li kkanċellat titjiriet lejn l-Ingilterra. Skont siti internazzjonali, kien hemm għexieren ta’ titjiriet domestiċi u internazzjonali li tħassru kawża tar-riħ qawwi u xita bil-qliel.

Propju dalgħodu, l-Air Malta kellha titjira lejn Heathrow li telqet minn Malta fit-7.55am. Intant, it-titjira li jmiss tal-istess linja tal-ajru, li sejra lejn Gatwick bħalissa qed ittella fuqha l-passiġġieri u mistennja titlaq minn ħin għall-ieħor. Intant, l-easyJet ipposponiet it-titjira tagħha lejn Gatwick f’Londra min-12.25pm għall-5.20pm.

It-titjiriet mill-Ingilterra lejn Malta huma skedati li jsiru wkoll. Jidher li fl-10.49am se tkun qed tasal Malta titjira tar-Ryanair minn Luton. L-Air Malta għandha titjira minn Heathrow lejn Malta llum li għandha tasal Malta fl-4pm. Il-British Airways se tkun qed topera titjira minn Gatwick fis-6.10pm.

Fi tweet, l-ajruport ta’ Gatwick talab lill-pubbliku sabiex jiċċekkja l-informazzjoni dwar it-titjira tagħhom hekk kif xi titjiriet jaf jittardjaw jew jitħassru minħabba l-maltempata.