It-tiġrijiet taż-żwiemel jibqgħu jsiru sakemm tinbidel il-liġi

Kienu ħafna dawk li nhar is-Sibt li għadda lmentaw bit-traffiku li nġema’ fiċ-ċentru ta’ Malta minħabba li l-bypass tal-Imrieħel ingħalqet biex isiru t-tiġrijiet taż-żwiemel.  Ħafna lmentaw li t-tiġrija saret fl-agħar ħin u bosta studenti marru tard għall-eżamijiet tal-MATSEC.  

Bi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt Transport Malta wieġbet li “t-tlielaq taż-żwiemel fit-toroq Maltin u Għawdex hi prattika li ilha ssir għal diversi snin.”  Qalet ukol li “f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ polza regolatorja, l-Awtorità tat-Trasport ma oġġezzjonatx għal din il-prassi u għaldaqstant, ġew segwiti l-proċeduri li ilhom jiġu pprattikati matul is-snin.”

B’rabta ma’ li ġara s-Sibt, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar wieġbet li "jekk isiru, dawn t-tiġrijiet preferibilment isiru fi Ħdud jew f’festa pubblika sabiex it-traffiku ma jkunx intensiv.”
Fuq Facebook bosta kunsilliera ta’ Ħal Qormi kitbu li ma kinux jafu u ma ġewx ikkonsultati bl-attività.  Argumentaw li minħabba xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru, kellhom jingħalqu toroq prinċipali u għalhekk it-tiġrija kompliet iżżid il-problemi ta’ traffiku, mhux biss f’Ħal Qormi iżda fiċ-ċentru kollu ta’ Malta.

Dwar dan is-Sindku wieġbet li “bħal kull permess ieħor, il-kunsillier qatt ma jiġi kkonsultat għax il-Kunsill jimxi fuq policies jew deċiżjonijiet preċedenti li jkun ħa l-Kunsill.”  Saħqet li “t-tiġrija saret fi triq arterjali u  ġaladarba Transport Malta aċċettat, il-Kunsill legalment ma kellux raġuni għaliex joġġezzjona.”

“Il-permess tal-Kusill joħroġ biss fuq no objection ta’ Transport Malta u l-organizzaturi jħarsu r-regoli, fosthom: li ssir polza ta’ assigurazzjoni, preżenza qawwija tal-pulizija u gwardjani lokali u jkun hemm il-barrikati” kompliet tgħid is-Sindku.  Jidher li sa issa l-Kunsill ta’ Ħal Qormi ma rċieva l-ebda talba biex fil-futur qarib isiru aktar tiġrijiet taż-żwiemel. 

Bħalissa il-Ministeru għat-Trasport u Transport Malta qed jaħdmu fuq Avviż Legali biex jiġi irregolat l-użu tal-bhejjem fit-toroq.  Waqt it-tiġrija tal-Kampjonat tat-Toroq tas-Sibt li għadda, weġġa’ żiemel u jidher li anke persuni.  Il-bypass tal-Imrieħel ingħalqet min-nofsinhar u nfteħet għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija.