Mewt tifla: Ma kinitx taħt il-kura tal-Knisja

Minkejja li stqarrija tal-Ministeru għall-Familja nhar it-Tnejn qalet li t-tifla NIġerjana ta' seba' snin li mietet fil-lejl ta' bejn il-Ħadd u t-Tnejn kienet qed toqgħod f'dar tas-Sorijiet Dumnikani, sorsi li tkellmu ma' Newsbook.com.mt ikkonfermaw li l-familja Niġerjana ma kinitx taħt il-kura ta' entità tal-Knisja.
Din l-aħbar ġiet ikkonfermata bi stqarrija maħruġa mill-Kurja, bi kjarifika mill-Kummissjoni Emigranti. 
L-istess sorsi qalu ma' Newsbook.com.mt, li fl-2016 l-Aġenżija tal-Gvern għall-Ħarsien ta' Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS) talbu lis-Sorijiet Dumnikani biex jisilfu post lil din il-familja. Is-Sorijiet aċċettaw it-talba tal-aġenzija, li llum taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Michael Falzon.
Newsbook.com.mt ikkonferma li l-familja kienet tgħix b'mod indipendenti u anke kellhom bieb għalihom. Newsbook.com.mt għadu ma kkonfermax x'kienu eżattament ir-rwoli u r-responsabbiltà tal-Aġenzija tal-Gvern u kif fil-fatt din l-aġenżija kienet twettaq dawn ir-rwoli u responsabbiltajiet.
It-Tnejn dan is-sit irrapporta li l-istqarrija tal-Gvern kienet skorretta meta intqal li t-tifla nstabet mejta. Newsbook.com.mt ħabbar li t-tifla mietet fl-ambulanza fit-triq lejn l-isptar.