It-Tieqa tad-Dwejra mhix mistennija taqa’

Ġeologu mqabbad mill-Gvern biex jagħmel rapport dwar l-istabbiltà tat-Tieqa tad-Dwejra, dalgħodu spjega kif il-blat li waqa’ fl-aħħar sentejn mhux se jaffettwa l-istabbiltà tal-istruttura. Madanakollu, iż-żona tat-Tieqa se tibqa’ perikoluża minħabba li jista’ jaqa’ xi blat mit-truf tat-Tieqa.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat dalgħodu ġie ppreżentat bir-rapport dwar is-sitwazzjoni tat-Tieqa tad-Dwejra, mill-ġeologu Dr Peter Gatt. Dan wara li l-kumpanija Geoscience Consulting, ġiet ikkummissjonata mill-Gvern biex tagħmel studju dwar dan.  

Dan l-istudju, li ħa madwar tliet xhur, jagħti analiżi dettaljata tas-saffi ta’ blat li jiffurmaw l-Azure Window jew it-Tieqa Żerqa, kemm fuq it-tip, kif ukoll fuq is-saħħa tal-blat.

Dr Peter Gatt spjega kif fl-2012 u anke din is-sena waqgħu partijiet mit-Tieqa li fil-verità ma tantx affettwat l-arkata.

Spjega wkoll kif tletin sena ilu, il-ħxuna tat-tieqa, kien kważi d-doppju ta’ dak li hu llum. Dan minħabba li kien hemm bosta drabi li ċeda l-blat, madanakollu s-saff ta’ blat li jifforma s-saqaf tat-Tieqa baqa’ relattivament intatt.

Il-ġeologu qal li waħda mir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport hija li jsir moniteraġġ ta’ xquq li qed jiżviluppaw f’parti tal-arkata tat-tieqa. Dan sabiex tiġi nnutata l-gravità taċ-ċaqlieq u lejn xiex qed iwassal, bl-interventi jiġu deċiżi skont ir-riżultati.

Huwa qal li xi ħaġa li tista’ tiġi kkunsidrata mill-Gvern hija li bħal fil-każ ta’ dan is-sit, jingħata status ta’ geopark, park fejn il-forom ġeoloġiċi jiġu protetti u spjegati lill-pubbliku li jżurhom.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Leo Brincat qal li se jkun qed jippreżenta dan ir-rapport lill-Ministeru għal Għawdex, filwaqt li membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra jingħataw ukoll kopja. Dan ir-rapport mistenni jkun ukoll onlajn.

Huwa qal li dan ir-rapport se jiġi mifli tajjeb biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa ħalli Għawdex ikompli jgawdi minn din il-ġawhra ġeoloġika.

 

Ritratt: DOI – Clifton Fenech