It-Tieqa f’qiegħ il-baħar u t-turisti ma waqfux

Għalkemm id-Dwejra għadha waħda mill-aktar siti popolari mat-turisti, it-Tieqa tad-Dwejra ilha sena li ġġarrfet u l-ġebel li bihom kienet iffurmata jinsabu f’qiegħ il-baħar joffru attrazzjoni ġdida għall-mijiet ta’ bugħaddasa li jinżlu d-Dwejra matul is-sena kollha.
Fuq Google, l-attrazzjoni tat-Tieqa ġiet ukoll emendata biex tgħid li fadal biss il-fdalijiet tagħha u mhux iżjed l-attrazzjoni oriġinali.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa qal li għalkemm għaddiet sena minn meta ġġarrfet it-Tieqa, l-awtoritajiet għamlu ftit li xejn biex jimmaniġjaw is-sit turistiku tad-Dwejra u biex issir preservazzjoni tal-kumplament tal-valur ambjentali u turistiku li għad għandha x’toffri d-Dwejra.
Qal li “waqafna fuq in-nostalġija u ma ħarisnix ‘il quddiem” filwaqt li spjega li dan kien proċess naturali tat-tmermir tal-ġebla.
Sostna li skont hu ma rax tnaqqis fl-għadd ta’ turisti li jinżlu d-Dwejra u ftit kienu l-operaturi li tkellem magħhom u qalulu li raw tnaqqis żgħir.
Kien għall-ħabta tad-9am ta’ filgħodu meta t-tieqa ġġarrfet kompletament u ma baqgħetx teżisti.
Fil-minuti u s-sigħat ta’ wara kien hemm għadd ta’ kummenti fuq il-mezzi soċjali li wasslu anke lill-Prim Ministru biex iħabbar “inizzjattiva internazzjonali”. Anke t-tfittxijiet dwar Malta fuq Google kienu żdiedu bi 300%.
Fil-jiem il għaddew, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li għalkemm it-telfa tat-Tieqa tad-Dwejra, ġabet magħha dieqa, din iż-żona għandha ħafna aktar x’toffri. Ħabbret ukoll id-dettalji ta’ attività li se ssir nhar il-Ħadd li ġej, hekk kif għaddiet sena minn meta Għawdex tilef din il-ġawhra naturali.