It-tieni vittma tal-coronavirus; Anzjan f’Karin Grech

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li anzjan ta’ 79 sena huwa t-tieni vittma tal-Covid-19. L-anzjan miet fl-Isptar Karin Grech matul il-lejl. Ilbieraħ anzjana ta’ 92 mietet fir-residenza Sant’Anna f’Għawdex.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-anzjan, li kien qiegħed jingħata kura fl-Isptar Karin Grech, kellu diversi kumplikazzjonijiet tas-saħħa. Huwa ġie ttestjat għal-Covid-19 fis-6 ta’ April wara li żviluppalu d-deni u nstab pożittiv.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan, mill-ġdid appella biex il-poplu jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa. Intqal ukoll li hekk biss nistgħu nipproteġġu lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.