It-tieni vapur bl-immigranti u mingħajr ekwipaġġ riesaq lejn l-Italja

Vapur mimli immigranti, iżda li fuqu m’hemm l-ebda ekwipaġġ, qed joqrob lejn il-kosta Taljana.
Dan huwa t-tieni vapur abbandunat viċin il-kosta Taljana fi żmien ftit jiem. Fl-aħħar ġurnata tas-sena, kważi 1,000 immigrant iddaħħlu l-Italja abbord vapur abbandunat li kien jinsab qrib Korfù.
Abbord il-vapur, li ntlemaħ kmieni illum u li fuqu għandu l-bandiera ta’ Sjerra Leone, hemm madwar 400 immigrant.
Jidher li l-baħar qawwi qed itellef lill-ħaddiema ta’ salvataġġ biex jitilgħu abbord il-vapur.
Kien propju wieħed mill-immigranti li hemm abbord il-vapur li rnexxielu jħaddem ir-radju marittimu u informa lill-awtoritajiet Taljani li l-vapur riesaq lejn il-kosta Taljana u ma hemm ħadd minn jiggwidah.