It-tieni mewġa twassal għal miżuri aktar drastiċi f’pajjiżi Ewropej

FILE PHOTO: Members of Madrid's Emergency Service (SUMMA) wearing protective equipment wheel a patient suffering from coronavirus disease (COVID-19) out from an ambulance as they transfer him to another hospital amid the coronavirus disease (COVID-19) outbreak in Madrid, Spain, April 20, 2020. REUTERS/Sergio Perez

Read in English.

It-tieni mewġa ta’ każijiet tal-coronavirus li għandha ċifri ogħla mill-livelli ta’ infezzjonijiet ġodda f’April qed twassal biex numru ta’ pajjiżi jżidu r-restrizzjonijiet tagħhom.

Il-gvern tas-Slovakkja ħabbar li se jipprojbixxi l-parti l-kbira ta’ attivitajiet kulturali u sportivi pubbliċi minħabba ż-żieda fil-firxa tal-coronavirus, iddikjara nhar it-Tnejn il-Prim Ministru Igor Matovic.

Matul konferenza stampa, huwa wissa lill-pubbliku li mill-1 ta’ Ottubru, se jkollhom jilbsu maskri tal-wiċċ, jevitaw laqgħat tal-familja u jżommu d-distanza soċjali biex jiġu evitati aktar restrizzjonijiet.

Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ għaż-żmien li ġej, sa meta jerġgħu jibdew jonqsu l-ammonti ta’ każijiet ġodda.

Fis-Slovakkja, li kellha waħda mill-anqas rati ta’ mwiet minħabba l-coronavirus, reġgħu bdew jiżdiedu ċ-ċifri ta’ każijiet ġodda rreġistrati, b’rekord f’jum wieħed ta’ 522 nhar il-Ġimgħa, biex b’hekk nhar it-Tnejn intlaħaq total ta’ 9,343 każ.

Fi Spanja, l-awtoritajiet reġjonali ta’ Madrid u l-gvern Spanjol ma qablux dwar x’passi għandhom jittieħdu biex jiġi kkontrollat l-għadd ta’ każijiet ġodda ta’ coronavirus li qed jiżdied, li qed jikkawża tħassib fost ir-residenti ta’ żoni meqjusa bħala fqar, li jgħidu li qed jiġu attakkati mingħajr raġuni. 

Ir-reġjun estenda lockdown parzjali nhar il-Ġimgħa għal 45 distrett li għandhom rati għolja ta’ infezzjoni. Il-parti l-kbira ta’ dawn huma meqjusa bħala żoni bi dħul baxx. Id-deċiżjonijiet wasslu għal akkużi ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ klassi minn residenti, u t-tħassib tal-gvern nazzjonali li jixtieq jimplimenta restrizzjonijiet aktar wiesgħa.

Il-Ministru għas-Saħħa Salvador Illa nhar it-Tnejn ħeġġeġ lill-mexxej konservattiv reġjonali biex jagħti kas għar-rakkomandazzjonijiet tal-gvern xellug-ċentrali, wara li dan irrifjuta l-proposta ta’ dan tal-aħħar biex jerġgħu jiġu imposti restrizzjonijiet madwar il-belt kollha, fejn iddikjara li l-pajjiż qed jaffaċċja ġimgħat diffiċli ta’ inċertezza, u li għandha tittieħed azzjoni b’determinazzjoni biex titwaqqaf il-pandemija u titnaqqas il-kurva ta’ infezzjonijiet ġodda għax jekk dan ma jsirx il-gvern ikollu jieħu deċiżjonijiet aktar drastiċi. Il-mexxej reġjonali ta’ Madrid nhar il-Ħadd qal li l-għeluq totali ma kienx possibbli minħabba l-impatt ekonomiku fuq ir-reġjun.

Fin-Netherlands il-gvern ħabbar għadd ta’ miżuri ġodda maħsuba biex titnaqqas l-imxija tal-coronavirus, inkluż limitazzjoni fuq l-ivjaġġar, l-għeluq kmieni ta’ bars u ristoranti u restrizzjonijiet fuq laqgħat tal-massa.

Il-miżuri jinkludu wkoll użu aktar mifrux ta’ maskli tad-drapp għall-pubbliku f’Amsterdam u fi bliet kbar oħra.