It-tieni mewġa tal-pandemija ġabet żieda fit-telefonati lill-helpline tas-saħħa mentali

Chris Fearne / Facebook

Read in English.

It-tieni mewġa tal-coronavirus ġabet magħha żieda fit-telefonati lill-helpline tas-saħħa mentali tal-Fondazzjoni Richmond, partikolarment meta kien hemm ħafna każijiet u mwiet bil-virus.

Il-helpline laħaq l-ogħla għadd ta’ telefonati fil-bidu tal-pandemija, meta r-restrizzjonijiet kienu l-aktar stretti, u dawn naqsu meta r-restrizzjonijiet bdew jittaffew. Iżda malli l-virus reġa’ qajjem rasu f’Awwissu u Settembru, it-telefonati fuq in-numru 1770 reġgħu żdiedu.

Minkejja dan, it-telefonati xorta huma inqas milli kienu f’April, meta l-pajjiż kien kważi wieqaf minħabba l-ewwel każijiet tal-Covid-19.

Il-Fondazzjoni Richmond bdiet dan il-helpline biex tipprovdi sapport b’xejn lil kull min kien qed jesperjenza xi problemi ta’ saħħa mentali. Meta l-coronavirus feġġ f’Malta, il-helpline beda jopera għal 24 siegħa kuljum, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Bejn Diċembru u Frar kien hemm 236 telefonata, u f’Marzu l-għadd ta’ telefonati kien għadu pjuttost baxx, b’111-il telefonata. Madankollu, f’April, meta aktar nies saru jafu b’dan is-servizz, saru 1,033 telefonata, li 56% minnhom kellhom x’jaqsmu mal-Covid-19.

Meta l-miżuri bdew jittaffew f’Mejju, il-helpline rċieva 427 telefonata, u f’Ġunju u Lulju kien hemm 154 u 179 telefonata, rispettivament. Iżda tmiem is-sajf ġab miegħu qabża drastika fl-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus, u dawn issarrfu f’aktar telefonati lill-helpline. F’Awwissu kien hemm 259 telefonata u f’Settembru 260.

Din l-istatistika ġiet preżentata mill-Prof. Josianne Scerri, li hi parti mid-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fl-Università, fi-konferenza annwali tal-Fondazzjoni Richmond li saret il-ġimgħa li għaddiet.

Fil-bidu tal-pandemija, it-telefonati b’rabta mal-Covid-19 iffukaw fuq diversi biżgħat, bħan-nuqqas ta’ sapport waqt li xi ħadd ikun kwarantina, thewdin fuq in-nies vulnerabbli u fuq sitwazzjoni finanzjarja kritika. In-nuqqas ta’ rutina wkoll affettwa lin-nies, u l-ġenituri qalu li wliedhom saru aktar aggressivi jew li ffissaw fuq il-virus. Xi wħud kienu mħassbin fuq kif nies oħra ma jsegwux ir-regolamenti tal-coronavirus.

F’Settembru kien hemm tħassib fuq il-ksur tal-liġijiet tal-Covid-19, ġenituri inkwetati minħabba l-ftuħ tal-iskejjel, u oħrajn li kellhom pressjoni jmorru lura x-xogħol minkejja li kienu kwarantina.