It-tieni mewġa ta’ coronavirus tista’ tkun agħar fl-Istati Uniti

Speċjalment jekk tiġi mal-istaġun tal-influwenza

FILE PHOTO: REUTERS/Michele Tantussi

Read in English.

Mewġa oħra tal-coronavirus hija mistennija li tolqot l-Istati Uniti matul ix-xitwa li ġejja, u din tista’ tkun aktar qalila mill-ewwel waħda minħabba li taħbat mal-bidu tal-istaġun tal-influwenza, wissa d-Direttur taċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard nhar it-Tlieta.

“Hemm possibilità li l-attakk tal-virus fuq il-pajjiż tagħna fix-xitwa li ġejja filfatt ikun ħafna aktar kiefer minn dak li għadna kif għaddejna minnu,” qal id-Direttur tas-CDC Robert Redfield matul intervista mal-Washington Post.

Hekk kif ir-rata tat-tifqigħa attwali qed tkompli tonqos, kif indikat minn tnaqqis riċenti fl-ammonti ta’ nies li qed jiddaħħlu l-isptar u minn indikaturi oħra, l-awtoritajiet iridu jħejju ruħhom għall-fatt li probabbilment il-virus jerġa’ jitfaċċa fix-xhur li ġejjin.

“Se jkollna naffaċċjaw l-epidemija tal-influwenza u l-epidemija tal-coronavirus fl-istess ħin,” qal, u l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ fatturi se titfa’ pressjoni aktar qawwija mill-ewwel tifqigħa fuq is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż.

Il-virus, li jikkawża marda respiratorja trażmissibbli faċilment u li potenzjalment hija fatali, imsejjaħ COVID-19, feġġ fi tmiem l-2019 fiċ-ċentru taċ-Ċina. L-ewwel infezzjoni magħrufa fl-Istati Uniti, każ relatat mas-safar, kien identifikat fl-20 ta’ Jannar fl-istat ta’ Washington viċin Seattle.

Minn dak iż-żmien, madwar 810,000 persuna rriżultaw pożittivi fl-Istati Uniti, u aktar minn 45,000 mietu minħabba din il-marda.

Redfield, flimkien ma’ awtoritajiet oħra fis-saħħa pubblika, isostni li t-tnaqqis fil-firxa tal-infezzjoni kien l-aktar dovut għall-miżuri drastiċi ta’ lockdown u għall-għeluq ta’ negozji u skejjel li ttieħdu madwar il-pajjiż. Imma dawn ir-restrizzjonijiet ħonqu l-kummerċ fl-Amerika, u madwar 22 miljun persuna tilfu xogħolhom f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat.

Hekk kif il-miżuri ta’ lockdown qed jintreħew bil-mod, Redfield enfasizza l-ħtieġa li l-individwi jkomplu jipprattikaw miżuri ta’ social distancing bejniethom.

Fl-istess ħin, kompla jgħid, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jridu jkomplu jsaħħu s-sistema tal-ittestjar biex jiġu identifikati dawk li huma infettati, u biex jintraċċaw l-interazzjonijiet personali tagħhom permezz tal-contact tracing.

Meta kien mistoqsi dwar l-attività riċenti fit-toroq fejn in-nies ħarġu jipprotestaw kontra l-ordnijiet li ngħataw biex joqgħodu fi djarhom u dwar it-talba ta’ ċerti stati biex ‘jinħelsu’ minn dawn ir-restrizzjonijiet – kif iddikjara l-President Donald Trump fuq Twitter – Redfield qal lill-Post: “Din mhix idea tajba.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn