“It-tieni mewġa mhux se tkun kbira daqs l-ewwel waħda” – Scicluna

DOI - Jsason Borg

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt is-seduta tal-Parlament tal-lejla qal li “t-tieni mewġa ta’ coronavirus mhix se taħsad lid-dinja daqs l-ewwel waħda. Jekk tiġi, meta jibdew jillaxkaw il-miżuri, mhix se tkun daqs tal-ewwel. Din hi xi ħaġa li rridu ngħixu magħha. It-triq tan-nofs hi li timmaniġġja r-riskju bl-għaqal. Ma nistgħux noqogħodu ma niklux”.

Il-Ministru għall-Finanzi kien qed iwieġeb mistoqsijiet supplementari tad-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo. Scicluna argumenta li anki jekk it-tieni mewġa se tiġi meta jibdew jiġu rilassati iktar miżuri, xorta l-impatt tagħha mhux se jkun daqs l-ewwel mewġa.

Huwa qal li sakemm jinstab il-vaċċin, l-coronavirus hi xi ħaġa li rridu ngħixu biha għax it-triq tan-nofs hi li nilqgħu għar-riskju b’mod bil-għaqal.

X’se jiġri wara d-9 ta’ Ġunju – Grech

Intant, id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-ikbar domanda li n-negozji Maltin qed jistaqsu hi x’se jiġri wara d-9 ta’ Ġunju meta jintemmu l-għajnuniet tal-Gvern mogħtija waqt il-pandemija tal-COVID-19.

Grech qal li l-perjodu ta’ diffikultà għall-kumpanijii se jkun meta jispiċċaw l-garanziji bankarji u l-moratorji fuq taxxa minħabba li jonqos il-cashflow.

Grech qal li l-Gvern qed iħalli lin-negozji fl-għama għax m’għandux pjan u dan in-nuqqas ta’ kommunikazzjoni mhux qed tgħin biex in-negozji joħorġu minn din is-sitwazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn