It-tieni mewġa ġġib restrizzjonijiet ġodda fuq l-ivvjaġġar madwar id-dinja

REUTERS/Adrees Latif

Read in English.

Restrizzjonijiet ġodda imposti minn diversi nazzjonijiet fl-Asja nhar it-Tnejn, kif ukoll kwarantina mhux ippjanata li l-Gran Brittanja imponiet fuq vjaġġaturi minn Spanja, xekklu l-pjanijiet għall-ftuħ tal-ivjaġġar fl-Ewropa dan is-sajf, hekk kif id-dinja qed tiffaċċja l-prospett ta’ mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet ta’ COVID-19.

Fl-Istati Uniti, pajjiż li għadu għaddej mill-ewwel mewġa minħabba l-għadd ta’ infezzjonijiet li ilhom jiżdiedu minn Ġunju li għadda, il-konsulent għas-sigurtà nazzjonali tal-President Donald Trump, Robert O’Brien, huwa l-aktar uffiċjal għoli li rriżulta pożittiv għall-CoVid-19. Il-White House ħarġet stqarrija u qalet li Trump ma kellu l-ebda kuntatt miegħu f’dawn l-aħħar jiem u ma kienx f’riskju.

Żieda qawwija fl-infezzjonijiet ġiet irreġistrata f’diversi pajjiżi li kien jidher li rnexxielhom jikkontrollaw il-pandemija, fosthom l-Awstralja li rreġistrat żieda rekord fl-għadd ta’ każijiet ta’ kuljum, il-Vietnam fejn ġiet imposta evakwazzjoni ta’ eluf ta’ turisti mill-belt ta’ Danang, u ċ-Ċina fejn il-virus feġġ għall-ewwel darba fi tmiem l-2019, li kkonfermat l-ogħla għadd ta’ trasmissjoni ta’ każijiet lokali minn Marzu li għadda

Intant nhar is-Sibt ir-Renju Unit impona kwarantina ta’ ġimgħatejn fuq vjaġġaturi li ġejjin minn Spanja minħabba żieda riċenti f’dan il-pajjiż li kien wieħed mill-epiċentri Ewropej tal-pandemija. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar ma kienux risposta għat-tul, imma li għandhom jinżammu fis-seħħ strateġiji effettivi bħal distanza soċjali u l-użu ta’ maskli sabiex titwaqqaf il-firxa tal-virus.

“Se jkun impossibbli li pajjiżi individwali jżommu l-fruntieri tagħhom magħluqa fil-futur immedjat. L-ekonomija trid terġa’ tibda tiffunzjona, in-nies iridu jmorru lura għal xogħolhom, u l-kummerċ irid ikompli,” qal Mike Ryan, id-direttur tal-programm tal-emerġenzi tad-WHO.