“It-tieni mewġa ġejja mill-impressjoni li tana l-Gvern li l-pandemija għaddiet” – Grech

Bernard Grech, wieħed miż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li t-tieni mewġa tal-coronavirus li laqtet lil Malta hija riżultat tal-Gvern li tana u għadu jagħtina l-impressjoni li l-pandemija għaddiet.

F’kitba fuq Facebook, Grech irreaġixxa għall-aħbar tat-72 każ ġdid tal-coronavirus. It-total ta’ każijiet attivi b’hekk issa huwa ta’ 557 billi fiequ 20 persuna.

Grech, li qed jikkontesta għall-kariga ta’ Kap kontra l-Kap kurrenti Adrian Delia, qal li hu diżappuntat b’dan l-aġir tal-Gvern. Stqarr li filwaqt li l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien lest għal dil-pandemija, il-Gvern kellu u għandu d-dover li jgħid il-verità, “għaliex saħħet il-poplu tiġi qabel in-numri.”

Minkejja l-fatt li l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien lest għal din il-pandemija, u minkejja li rridu niżguraw li…

Posted by Bernard Grech on Saturday, August 15, 2020

“Din il-mewġa ma jafx jaffaċċjaha Robert Abela” – David Casa

Fuq l-istess vena kienet ir-reazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa. Huwa qal li n-numru rekord ta’ każijiet tal-lum jeħtieġ li tingħatalu attenzjoni serja.

Semma kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-Prim Ministru Robert Abela lissen il-kliem, issa popolari, “il-mewġ fil-baħar qiegħed,” kliem li se jibqa’ jiġri miegħu tul il-karriera tiegħu. Casa spjega li ristoranti u negozji f’Malta qegħdin jagħlqu u impjegati qegħdin jitkeċċew filwaqt li l-Prim Ministru jerħilha lejn Sqallija. Ir-reputazzjoni ta’ Malta, qal Casa, reġgħet qed taqa’ fir-redikolu mal-Ewropa.

Huwa sostna li l-Prim Ministru ma jafx jaffaċċja din il-mewġa li ħakmet lil Malta, u stqarr li l-konsegwenzi tal-inkompetenza tiegħu se jibqgħu jinħassu għal xhur, jekk mhux snin.

Today's record number of COVID-19 cases warrants serious attention.Only a few weeks ago Robert Abela mocked those who…

Posted by David Casa on Saturday, August 15, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn